Il-Kardinal Parolin jiddefendi l-istrateġija tal-Vatikan dwar iċ-Ċina

L-istrateġija li l-Vatikan qed juża fin-negozjati li qed ikollu bħalissa hi f’linja mat-tradizzjoni tal-Knisja, u jekk xi ħadd jintalab jagħmel xi sagrifiċċju dan ikun għall-aħjar ġid.
Il-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, qal lill-ġurnal Taljan “La Stampa” li għalkemm jista’ jkun hemm differenzi ta’ opinjoni dwar kif wieħed għandu jimxi mal-Gvern Komunista Ċiniż, “ebda opinjoni personsali m’għandha titqies bħala esklussiva għal dak li hu l-aħjar għall-Kattoliċi Ċiniżi”
Parolin kien qed jitkellem ftit jiem biss wara li l-Kardinal Ċiniż, Joseph Zen, li qabel kien Isqof ta’ Hong Kong, ikkritika d-delegazzjoni tal-Vatikan li talbet lil żewġ Isqfijiet tal-Knisja rrikonuxxuti mill-Vatikan biex iwarrbu u posthom jiħduh żewġ Isqfijiet rikonoxxuti mill-Gvern.
Is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan qal li “Jekk xi ħadd jintalab jagħmel sagrifiċċju, kbir jew żgħir, kulħadd għandu jifhem li dan mhux il-prezz ta’ xi ftehim politiku imma xi ħaġa li tidħol fil-perspettiva evanġelika tal-aħjar ġid, il-ġid tal-Knisja ta’ Kristu”.
“It-tama tagħna hi li meta Alla jrid, ma jkollniex għalfejn nitkellmu fuq Isqfijiet ‘leġittmi’ u oħrajn ‘illeġittmi’ jew Isqfijiet ‘klandestini’ u Isqfijiet ‘uffiċjali’ fil-Knisja Ċiniża, imma dwar laqgħat bejn l-aħwa u nibdew nikkollaboraw u ningħaqdu mill-ġdid.”
Il-Kardinal Zen qal li l-Papa Franġisku, f’udjenza privata kien qal li hu ma riedx “każ Mindszenty ieħor”, b’riferenza għall-Kardinal Ungeriż li kien mitlub iwarrab biex isir Arċisqof ieħor li ried ir-reġim Komunista ta’ dak iż-żmien.
Il-Vatikan ħareġ stqarrija li fiha ċaħad li hemm xi qasma bejn il-Papa Franġisku u l-uffiċjali tal-Vatikan fiċ-Ċina.
Il-Kardinal Parolin qal li “l-Papa personalment qed isegwi l-kuntatti li qed isiru mal-awtoritajiet tar-Republika tal-Poplu taċ-Ċina.
Il-kollaboraturi tal-Papa jaħdmu f’sinteżi miegħu u ħadd ma jieħu inizjattivi minn jeddu”.