Il-Kardinal O’Malley jordna investigazzjoni fis-seminarju ta’ Boston

Il-Kardinal Sean O'Malley

L-Arċisqof ta’ Boston qal li talab lir-Rettur tas-Seminarju ta’ San Ġwann li jinsab fl-arċidjoċesi tiegħu, biex immedjatament joħroġ fuq dak li jissejjaħ “leave sabbatiku” filwaqt li ordna li ssir investigazzjoni dwar allegazzjonijiet li dehru fuq il-midja soċjali dwar attivitajiet “li jmorru direttament kontra l-morali u l-ħtiġijiet formattivi tas-saċerdozju Kattoliku.”

“Bħalissa ma nistax nivverifika jew niċħad dawn l-allegazzjonijiet,” qal il-Kardinal Sean O’Malley ta’ Boston fi stqarrija. Hu ma qalx x’inhuma dawn l-allegazzjonijiet kontra s-Seminarju.

Fi stqarrija maħruġa mill-arċidjoċesi, il-Kardinal O’Malley qa li Fr Stephen Salocks, Professur tal-Iskrittura Mqaddsa, se jservi bħala Rettur ‘ad interim’ tas-seminarju filwaqt li Mons James Moroney, ir-Rettur tas-Seminarju, se jmur fuq “leave sabbatiku” għas-semestru li jmiss, biex issir inkjesta indipendenti dwar l-allegazzjonijiet.

Barra minn dan, il-Kardinal qal li ħatar grupp “biex jara li l-inkjesta timxi sew, jeżamina l-kultura tas-seminarju dwar il-livelli mistennija mill-kandidati għas-saċerdozju u jara kull kwistjoni oħra marbuta ma’ fastidju sesswali u forom oħra ta’ intimidazzjoni jew diskriminazzjoni.” Hu talab lil dan il-grupp biex jgħaddilu r-riżultati tal-indaġni malajr kemm jista’ jkun.

“L-allegazzjonijiet li saru huma ta’ tħassib serju għalija bħala Arċisqof ta’ Boston,” kiteb il-kardinal. “Il-ministeru tas-saċerdozju Kattoliku irid ikollu sisien sodi ta’ fiduċja mal-poplu tal-Knisja u mal-komunità li fiha jaħdmu l-qassisin tagħna. Jien determinat li s-seminarji kollha jilħqu dan il-livell ta’ fiduċja u jipprovdu l-formazzjoni meħtieġa lill-qassisin biex dawn jgħixu vokazzjoni ta’ servizz fis-soċjetà kontemporanja.

Il-Kardinal Sean O’Malley hu wieħed mill-konsulenti ewlenin tal-Papa dwar l-abbużi sesswali u jmexxi l-Kummissjoni Pontifiċja għall-Protezzjoni tal-Minuri.