Il-Kardinal O’Malley jitlob għal kontabilità

Il-Kardinal Sean O'Malley: determinat li jaħdem fuq il-kriżi tal-abbużi mill-kleru

Il-Kardinal Sean O’Malley ta’ Boston qal li l-Kattoliċi qed jitilfu l-paċenzja u s-soċjetà ċivili qed titlef il-fiduċja u għalhekk sejjaħ biex ikun hemm “sistemi ċari u trasparenti ta’ kontabilità u ġarr ta’ konsegwenzi mill-mexxejja tal-Knisja.”

O’Malley, President tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Protezzjoni tal-Minuri, qal li jittama li din il-kwestjoni tal-abbużi sesswali tista’ tkun indirizzata bil-prteċipazzjoni qawwija tal-lajċi.

“L-arloġġ qed idur għall-mexxejja kollha tal-Knisja u rridu ngħaġġlu u naħdmu bi pjan u bi skop”, qal il-Kardinal f’video li rrekordja u xandar.

Il-Kardinal tkellem bil-mod u b’mod ċar li jixhed l-inkwiet tiegħu dwar is-sitwazzjoni; “Ikun hemm żmien fejn ma nsibux kliem biex nispjegaw iċ-ċirkostanzi diffiċli li nkunu qed niffaċċjaw fil-ħajja. It-traġedja hi kbira u reali għal dawk li jridu jġorru dan il-piż.”

Filwaqt li esprima t-tama tiegħu fil-Knisja, il-Kardinal ippunta direttament lejn il-mexxejja tal-kleru bħala l-ħatja ta’ din il-kriżi: “Hemm it-tajjeb, ħafna tajjeb fil-Knisja u ma għandniex naqtgħu qalbna. Inġeddu l-impenn tagħna li dawn l-iżbalji ma jerġgħux isiru.

“Irridu nistabilixxu sistemi ċari u trasparenti ta’ kontabilità għall-mexxeja tal-Knisja li għandhom iġorru l-konsegwenzi. In-nuqqasijiet tagħhom ippermettew li jseħħu dawn l-atti kriminali. Il-Knisja trid tikkonverti spiritwalment u titlob trasparenza legali u kontabilità pastorali minn dawk kollha li jaqdu din il-missjoni.

“Il-kriżi li qed niffaċċjaw hi prodott tad-dnubiet klerikali u fallimenti klerikali”, temm jgħid il-kardinal fil-video.