Aġġornata: Il-Kardinal O’Brien jirtira minn Arċisqof ta’ St Andrews u Edinburgh fl-Iskozja

16:01 Fi stqarrija maħruġa mill-Konferenza Episkopali Skoċċiża, il-Kardinal Keith Patrick O’Brien qal li mhux ser jattendi għall-Konklavi fil-Vatikan għax ma jixtieqx li l-attenzjoni tal-media tkun fuqu, iżda fuq il-Papa Benedittu XVI u s-suċċessur tiegħu. Qal ukoll li huwa ser jitlob mal-Kardinali u għalihom, biex imnebbħin mill-Ispirtu s-Santu, jagħmlu l-għażla t-tajba għall-ġid tal-Knisja.

Dwar ir-riżenja tiegħu, il-Kardinal O’Brien qal li ftit tax-xhur ilu, kif kien qed joqrob l-età ta’ 75 sena, u meta qies il-kundizzjoni ta’ saħħtu, huwa offra r-riżenja minn Arċisqof ta’ St Andrews u Edinburgh.

Qal ukoll li l-Papa Benedittu XVI iddeċieda li din ir-riżenja tidħol fis-seħħ illum. Il-Papa mistenni jaħtar Amministratur Appostoliku biex jieħu responsabbiltà tal-Arċidjoċesi sakemm jinħatar Arċisqof ieħor.

Il-Kardinal O’Brien temm jgħid li meta jħares lura lejn il-ministeru tiegħu, huwa jirringrazzja lil Alla tal-ġid li għamel, u jitlob apoloġija lil kull min hu seta weġġa’.

Aktar kmieni:

In-news portal tal-Vatikan www.news.va qal li l-Kardinal Keith Michael Patrick O’Brien irtira mill-kariga tiegħu ta’ Arċisqof ta’ St Andrews u Edinburgh fl-Iskozja.

Rapporti fil-media internazzjonali qed jallegaw li l-Kardinal O’Brien irtira minn din il-kariga fid-dawl ta’ allegazzjonijiet, li huwa jiċħad, ta’ imġieba mhux flokha fil-konfront ta’ qassisin oħra fis-snin tmenin.

Intant, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone sejjaħ għat-talb f’ittra li bagħat lill-kunventi u monasteri reliġjużi madwar id-dinja. Dan fid-dawl tar-riżenja tal-Papa Benedittu XVI u l-konklavi, biex jinħatar Papa ġdid fil-ġimgħat li ġejjin.

Fl-ittra tieghu, il-Kardinal Bertone spjega li huwa t-talb li jakkumpanja l-Knisja matul il-pellegrinaġġ tagħha u li jispira lill-Kardinali fl-għażla li jagħmlu fil-konklavi.

Il-Kardinal Bertone wassal ukoll messaġġ t’apprezzament, imħabba u stima minn naħa tal-Papa.