Il-Kardinal Muller mhux se jibqa’ jmexxi l-Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi

Il-Papa Franġisku ma ġeddidx l-inkarigu tal-Kardinal Gerhard Muller bħala Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.  Il-Kardinal  Muller hu wieħed mill-ħames kardinali li apertament qed juru d-dubji tagħhom dwar it-tagħlim tal-Papa fl-Enċiklika Amoris Laetitie.
Din il-ġimgħa skada t-terminu ta’ ħames snin tal-ħatra tal-Kardinal fit-tmexxija ta’ din l-istituzzjoni, liema ħatra kienet saret mill-Papa Benedittu XVI.
Il-Kardinal Ġermaniż sa mill-bidu tal-pubblikazzjoni tal-aħħar enċiklika tal-Papa Franġisku wera xettiċiżmu fuq il-kontenut ta’ partijiet minn din l-Ittra Appostolika partikolarment fejn tidħol il-kwestjoni tat-tqarbin ta’ koppji divorzjati li jerġgħu jiżżewġu.
Din il-pożizzjoni kienet tikkuntrasta sew meta l-Papa wera biċ-ċar li kien favur l-interpretazzjoni li f’ċerti każi dawn il-koppji divorzjati setgħu jirċievu t-tqarbin u dan sostnih f’ittra lill-Isqfijiet tal-Arġentina fejn qalilhom li ma kien hemm ebda interpretazzjoni oħra.
Fi Frar li għadda l-Kardinal Muller wissa’ lill-isqfijiet biex jieqfu jinterpretaw l-Amoris Laetitiia b’mod li jikkontradixxi d-dutrina tal-Knisja.  Dan wara li diversi konferenzi tal-Isqfijiet, fosthom dawk Ġermaniżi iddeċidew li jħallu jitqarbnu lil ċerti koppji divorzjati, filwaqt li oħrajn, bħal dawk Pollakki irrijutaw li jagħmlu dan.
Il-Kardinal Muller u erba’ kardinali oħra li qed jopponu l-interpretazzjoni tal-Papa, qed jitolbu li jiltaqgħu miegħu biex jistaqsuh dwar l-Amoris Laetitie u għamlu  din ix-xewqa tagħhom pubblika tant li ġew ittimbrati bħala “Il-Kardinali tad-Dubju”.  Iżda l-Papa kien kontra li jippubblikaw din l-ittra u qed isostni li dan mhux każ li l-Enċiklika “hi ta’ xi periklu għall-fidi”.
Għad mhux magħruf min se jieħu post il-Kardinal Muller fit-tmexxija tal-Kongregazzjoni tad-Dutrina tal-Fidi u x’se jiġri minn Muller li għandu 69 sena u allura fadallu sitt snin biex jilħaq l-eta’ tal-irtirar għall-isqfijiet.