​Il-Kardinal Müller jikkritika lill-Papa

Il-Kardinal Gerhard Müller ikkritika l-mod kif trattah il-Papa Franġisku meta nfurmah li l-mandat tiegħu bħala Prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi mhux se jtawwal.
F’intervista ma’ ġurnal tal-Bavarja, il-Kardinal Ġermaniż qal li l-Papa ma tahx raġuni għalfejn ma kienx se jkompli l-mandat tiegħu. Qal li bl-istess mod xi xhur ilu, il-Papa ddeċieda li jneħħi tliet membri kompetenti mill-Kongregazzjoni.
Il-Kardinal qal li ma jistax jaċċetta dan il-mod kif isiru l-affarijiet u bħala Isqof wieħed ma jistax jitratta n-nies hekk. Qal li t-tagħlim soċjali tal-Knisja għandu jkun applikat għall-mod kif jiġu trattati l-impjegati f’Ruma.
Il-Kardinal Müller qal li jekk il-Papa jafdah, lest imexxi d-diskussjonijiet bejn it-tliet kardinali li kitbu lill-Papa b’dubji dwar il-koppji divorzjati li jersqu biex jirċievu l-ewkaristija.
Il-Kardinal Joachim Meisner kien ir-raba’ Kardinal li kiteb l-ittra lill-Papa. Huwa miet waqt li kien rieqed, ftit siegħat wara li Müller infurmah bid-deċiżjoni tal-Papa li ma jġeddidx il-mandat tiegħu.
Il-Kardinal Müller qal li m’għandux intenzjoni jmexxi moviment li jkun kritiku għall-Papa Franġisku. Spjega li hemm bżonn jinbnew il-pontijiet biex tkun evitata qasma.