Il-Kardinal Muller jiddefendi d-deċiżjoni tal-Bavarja dwar is-slaleb

Dak li kien il-Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, il-Kardinal Gerhard Muller, indaħal fil-polemika dwar id-deċiżjoni tal-Gvern tal-Bavarja li jitpoġġew slaleb fl-entraturi tal-bini pubbliku u qed jappoġġja din id-deċiżjoni.
Il-Gvern tal-Bavarja ddeċieda li mill-1 ta’ Ġunju li ġej, fl-entratura tal-bini pubbliku kollu f’dan ir-reġjun Ġermaniż, għandu jitwaħħal salib.
Intervistat fuq ir-radju, il-Kardinal Muller qal li hu jappoġġja din id-deċiżjoni, hu min hu li ħa din l-inizjattiva.
“Jien nippreferi politiċi li jiddeċiedu li jitpoġġew is-slaleb minn dawk li jridu jneħħuhom” qal il-Kardinal fl-istess waqt li għamilha ċara li ma xtaqx jidħol f’din il-polemika.
“Is-salib mhux biss simbolu reliġjuż fis-sens li jsejjaħ lin-nies biex jistqarru l-fidi Nisranija tagħhom. Hu wkoll sinjal ta’ protesta kontra l-ħażen u juri li aħna kapaċi ngħixu flimkien fi spirtu ta’ rikonċiljazzjoni. Din hi ħaġa li fil-fehma tiegħi kulħadd jista’ jaċċetta”, insista Muller.
“Is-salib hu simbolu fundamentali tal-identità Bavarjana u tal-mod kif ngħixu” qa il-mexxej ta’ dan l-istat Ġermaniż wara li kien ħareġ din l-ordni.
Il-President tal-Konferenza Episkopali Ġermaniża u Arċisqof ta’ Munich, il-Kardinal Reinhard Marx, għall-ewwel akkuża lill-amministrazzjoni tal-Bavarja li qed tqajjem l-inkwiet u ġġelled lin-nies wieħed kontra l-ieħor bid-deċiżjoni li jitwaħħlu s-slaleb. 
Iżda issa qed jibgħat sinjali aktar konċiljatorji tant li qal li hija barka li fil-Ġermanja l-Istat ippermetta lill-Knejjes li jagħtu xhieda ta’ Ġesù Kristu.
Skont stħarriġ tal-opinjoni pubblika il-maġġoranza tan-nies fil-Bavarja laqgħet d-deċiżjoni tal-Gvern lokali dwar it-twaħħil tas-slaleb fil-bini pubbliku tant li 56% qalu li huma favur filwaqt li 38% biss kienu kontra. 
Fi stati Ġermaniżi oħra jidher li s-sitwazzjoni hi bil-maqlub, b’20% favur it-twaħħil tas-slaleb u 64% kontra.