Il-Kardinal Marx jgħid li jistgħu jitbierku ċerimonji għal koppji tal-istess sess

Il-President tal-Konferenza Episkopali Ġermaniża ddikjara li fil-fehma tiegħu, saċerdoti kattoliċi jistgħu jmexxu ċerimonji fejn jitbierku koppji omosesswali.
Il-Kardinal Reinhard Marx li hu wkoll wieħed mill-konsulenti tal-Papa Franġisku, qal fuq stazzjon tar-radju tal-Bavarja “li ma jistax ikun hemm regoli dwar dan. Id-deċiżjoni jekk għaqda omosesswali għandhiex ikollha l-barka tal-Knisja irid jeħodha s-saċerdot skont il-każ individwali”.
Fl-okkażżjoni tal-għaxar anniversarju mill-ħatra tiegħu bħala Arċisqof ta’ Munich u Freising, il-Kardinal kien mistoqsi għaliex il-Knisja mhux dejjem timxi ‘l quddiem meta jkun hemm talbiet bħalma huma l-ordinazzjoni tad-djakni nisa, it-tberik ta’ koppji omosesswali, jew it-tneħħija taċ-ċelibat.
Il-Kardinal wieġeb li għalih il-mistoqsija għandha tkun “kif il-Knisja tista’ tilqa l-isfidi tal-ħajja tal-lum, b’ideat ġodda partikolarment fejn tidħol il-kura pastorali.”.
Hu qal li l-Knisja għandha tara s-sitwazzjoni tal-individwu, l-istorja ta’ ħajtu, ir-relazzjonijiet tiegħu u takkumpanjah bħala individwu skont iċ-ċirkostanzi.  Dan hu dak li qed jenfasizza l-Papa Franġisku. Hu appella biex ikun hemm kura pastorali personalizzata li m’hix suġġetta għal regoli ġenerali u anqas ma tkun relativista.
Din il-kura pastorali mill-qrib għandha tgħodd ukoll għall-omosesswali u wieħed għandu jinkoraġixxi lis-saċerdoti u ħaddiema pastorali biex jagħtu inkoraġġiment lin-nies li jkunu f’sitwazzjonijiet diffiċli. Hawnhekk m’għandux ikun hemm problem, qal il-Kardinal Marx.
Il-forma liturġika li dak it-tberik jew inkoraġġiment għandu jieħu, hi xi ħaġa differenti li tinħtieġ aktar kunsiderazzjoni.
Mistoqsi jekk riedx ifisser li “jimmaġina li b’xi mod il-Knisja Kattolika tbierek koppji omosesswali, il-Kardinal wieġeb fl-affermattiv iżda sostna li ma jistax ikun hemm soluzzjonijiet ġenerali u kull każ jitqies fuq il-merti tiegħu.
“Din hi kura pastorali individwali li tapplika għal oqsma oħra fejn ma jistax ikun hemm regolamentazzjoni u ma hemmx regoli fissi. Id-deċiżjoni trid tittieħed mis-saċerdot fil-post li jkun qed jagħti l-kura pastorali tiegħu. Dawn l-affarijiet ma jistgħux ikunu regolati”, sostna l-Kardinal Marx.