Il-Kardinal Kasper jittama li tieqaf il-kontroversja dwar l-Amoris Laetitia

Il-Kardinal Walter Kasper jittama li l-ittra tal-Papa Franġisku lill-Isqfijiet Arġentini li fiha approva l-linji gwida li ħarġu dwar l-‘Amoris Laetitia’, twaqqaf darba għal dejjem il-kontroversji dwar l-Eżortazzjoni Appostolika dwar iż-Żwieġ u l-Familja.
Kaspet li għandu 84 sena kien wieħed mit-teologi ewlenin li l-Papa Franġisku kien qabbad biex imexxi d-diskussjonijiet dwar kwestjonijiet tal-familja, fis-Sinodu tal-Isqfijiet.
F’Settembru 2016 f’ittra lill-Isqfijiet Arġentini, l-Papa approva l-linji gwida li huma ħarġu dwar l-implimentazzjoni tal-Eżortazzjoni Appostolika u qal li dawn kienu jispjegaw b’mod preċiż it-tifsira tal-Kaptilu VIII tal-‘Amoris Laetitia’ u żied jgħid li ma kienx hemm interpretazzjonijiet oħra.
Dawn il-Linji Gwida u l-Ittra tal-Papa kienu publikati fl-Atti tas-Sede Appostolika li hi l-gazzetta uffiċjali fejn ikunu pubblikati d-dokumenti tal-Vatikan u l-Atti tal-Papa u magħhom kien hemm nota li tgħid li dan hu tagħlim awtentiku tal-Magisteru.
Il-Kardinal Kasper qal li “Amoris Laetitia diġa’ ntlaqgħet b’ferħ kbir mill-maġġoranza tal-poplu t’Alla li issa jħossuhom gratifikati. L-iżball kardinali kien li saret kritika feroċi fuq nota marġinali li nħarġet mill-kuntest tagħha”.
Żied jgħid illi li tħalli divorzjati li reġgħu żżewġu jirċievu s-sagramenti f’każi individwali hu bażat fuq it-tagħlim tradizzjonali tal-Knisja, partikolarment fuq it-tagħlim ta’ San Tumas t’Aquinas u l-Konċilju ta’ Trento. Din m’hix xi ħaġa ġdida imam tiġdid ta’ tradizzjoni antika. Esperti magħrufa tat-tagħlim tal-Papa Ġwanni Pawlu II urew li t-tagħlima ta’ Papa Franġisku fl-‘Amoris Laetitia” ma jmurx kontra dak li għallmu ż-żewġ papiet ta’ qablu. Il-Konċilju ta’ Trento fis-Seklu XVI kien għallem espressament li meta l-insara juru rimors għal dnubiethom u jieħdu sehem fl-Ewkaristija, id-dnubiet venjali jinħafru u fl-istess ħin, l-Ewkaristija tipproteġihom minn dnubiet gravi.
“Filwaqt li ħadd ma’ jista’ jiċħad li l-kuxjenza għandha tirrispetta l-kmandamenti t’Alla, skont Tumas t’Aquino, oġġettivament il-kmandamenti ma jistgħux b’mod mekkaniku jew b’loġika pura ikunu applikati għal sitwazzjonijiet kumplikati u komplessi. Irid ikun hemm dixxerniment”.
Kasper innota li l-liġi sekulari tagħmel distinzjoni ċara bejn omiċidju u qtil involontarju meta tqis il-kastig lil min iwettaqhom. Għal Knisja hu aktar important li tagħmel distinzjoni simili għax trid tikkunsidra mhux biss l-aspett legali imma wkoll il-miżura morali u l-ħtija suġġettiva. Il-Knisja ma tqisx biss l-azzjoni sterna imma wkoll il-kuxjenza tal-persuna. Il-kuxjenza hi l-aktar ħaġa sigrieta tal-persuna. Fil-kuxjenza l-bniedem ikun waħdu m’Alla li l-vuċi tiegħu tkellimhom. Il-Knisja qiegħda hemm biex tifforma l-kuxjenzi u mhux biex tieħu posthom.