“Il-Kardinal Grech wiegħed lil Mintoff li jwassallu l-messaġġ il-Vatikan”

Read in English.

Il-mibki Kardinal Prospero Grech kien wiegħed lill-mexxej Laburista Dom Mintoff li se jwassal il-messaġġ tiegħu l-Vatikan waqt il-gwerra tas-sittinijiet ta’ bejn il-Partit Laburista u l-Knisja.

Dan qalu l-istoriku Prof. Joe Pirotta waqt intervista ma’ Fr Joe Borg fuq il-programm Newsbook Hour fuq 103.

L-istoriku spjega li minkejja li l-gwerra bejn iż-żewġ fazzjonijiet kienet fl-aqwa tagħha, iż-żewġ naħat urew ix-xewqa li jirrikonċiljaw. Pirotta qal li l-ewwel passi ttieħdu fl-1963 meta patri Dumnikan, Gonsalvo Grech, tkellem ma’ Mintoff u ssuġġerixxa medjazzjoni bejn iż-żewġ naħat. Intlaħaq qbil u ntgħażlu l-medjaturi, iżda l-affarijiet ma mxewx sew, peress li ż-żewġ naħat baqgħu jesprimu l-pożizzjonijiet tagħhom pubblikament. Pirotta qal li Mintoff ma riedx jagħti l-impressjoni li l-partit tiegħu kien dgħajjef u insista fuq għadd ta’ kundizzjonijiet. Waħda minn dawn kienet li ma jibqgħux ipprojbiti l-gazzetti tal-Partit Laburista. Dak iż-żmien il-Kurja kienet qalet li n-nies li kienu qed jiktbu u jaqraw il-gazzetti Ħelsien u Voice of Malta kienu midinbin.

Fl-1963, Mintoff iltaqa’ mal-Kardinal Prospero Grech, li dak iż-żmien kien patri Agostinjan. Huwa qallu li jista’ jwassal messaġġ għal Mintoff lis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan. Mintoff elenka xi punti ewlenin li xtaq jiddiskuti u tahom lil Grech. Fosthom kien hemm il-possibbiltà ta’ żwieġ ċivili f’Malta għal dawk li mhumiex Kattoliċi. Grech aġixxa mingħajr ma kien jaf l-Arċisqof.

L-istoriku kompla jispjega lil Fr Joe li għalkemm Mintoff iddiskuta l-punti tiegħu ma’ Grech, il-patri ma kellux l-awtorità li jċedi għax-xewqat ta’ Mintoff, allura hu aġixxa biss ta’ messaġġier. Minkejja dan, Mintoff kien kuntent għax “sab mod kif jippenetra l-Vatikan” peress li hu ma setax jilħqu direttament.

Pirotta qal li l-Arċisqof sar jaf bl-irwol ta’ Grech meta l-Vatikan bagħtet kopja tan-noti akkumpanjata minn spjegazzjoni lill-Kurja Maltija għar-reazzjoni tal-Arċisqof. L-Isqof Awżiljarju Galea ppubblika l-hekk imsejħa “Sitt punti ta’ Mintoff” u spjega għaliex il-Knisja ma setgħetx taqbel magħhom.

Minkejja dan l-isforz, il-ġlieda bejn il-Knisja u l-Partit Laburista qlielet f’dan l-istadju tant li sfaxxat kull tama għal rikonċiljazzjoni.

Pirotta qal li ma kienx hemm iżjed involviment min-naħa tal-Kardinal. Pirotta stqarr li hu pprova jkellmu diversi drabi iżda ma rnexxilux.

Il-Kardinal Prospero Grech miet fit-30 ta’ Diċembru fl-età ta’ 94 sena.