Il-Kardinal Emeritu tan-Nikaragwa miet ta’ 92 sena

Il-Kardinal Emeritu tan-Nikaragwa, Miguel Obando y Bravo li fis-snin 80 kien għen biex titneħħa d-dittatura ta’ Somoza wara 44 sena u minflok jitla’ Gvern Sandinista xellugi, miet nhar il-Ħadd li għadda fl-età ta’ 92 sena.
Il-Konferenza Episkopali tan-Nikaragwa tinsab f’luttu għal din it-telfa għalkemm il-kawża tal-mewt tiegħu għada mhix magħrufa.
Obando y Bravo kien difensur qawwi tad-drittijiet umani u għalhekk kien oppona d-dittatura ripressiva tal-familja Somoza u għen lis-Sandinisti.
Malli s-Sandinisti sabu ruħhom fil-Gvern fl-1979, il-kundizzjonijiet tal-ħajja fin-Nikaragwa bdew jitjiebu u kienu introdotti s-servizzi tas-saħħa u l-edukazzjoni għal kulħadd, bla ħlas. Iżda wara ftit żmien is-Sandinisti spiċċaw kritikati huma għal abbużi tad-drittijiet umani li bdew iwettqu u talli inroduċew fil-pajjiż il-lieva sfurzata u bdew jattakkaw lill-Knisja li hi għas-servizz tal-Gvern Amerikan.
Hawn beda l-inkwiet bejn Ortega u l-Kardinal Obando y Bravo. Il-Kardinal akkuża lis-Sandinisti li ma kinux jemmnu f’Alla u beda jappoġġja lill-Oppożizzjoni li kellha l-appoġġ ukoll tal-Istati Uniti.
Minkejja dan, il-Kardinal għen billi kien medjatur u wassal għall-waqfien mill-ġlied bejn il-Gvern ta’ Ortega u l-Contras li kienu maqbuda fi gwerra ċivili li swiet il-ħajja lil aktar minn 30,000 persuna. Fl-2004 l-Kardinal kien irrikonċilja ma’ Ortega tant li fl-2005 kien żewweġ lil Ortega mas-sieħba tiegħu Roasrio Murillo.  Fl-2016 hu kien ingħata l-unur ta’ “Eroj Nazzjonali għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni”.
Riċentement il-Kardinal irtirat ikkundanna pubblikament il-qtil ta’ madwar 96 persuna li nqatlu waqt protesti kontra l-Gvern ta’ Ortega li reġa’ rritorna fit-tmexxija tal-pajjiż wara nuqqas ta’ 17-il sena.