Il-Kardinal Elett Mario Grech iżur lid-Djoċesi ta’ Għawdex

Zjara-Kurja-Ghawdex

Read in English.

Il-Kardinal Elett Mario Grech illum għamel l-ewwel żjara tiegħu lid-Djoċesi ta’ Għawdex wara l-ħatra tiegħu bħala Kardinal. Hawn hu żar lill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma.

Waqt iż-żjara tiegħu fid-Djoċesi ta’ Għawdex, Mons. Grech iltaqa’ mal-istaff tad-Djoċesi kif ukoll żar lill-Kappillani li kienu miġbura fiċ-Ċentru Pastorali Ragħaj it-Tajjeb għal-laqgħa tagħhom ta’ kull xahar. Peress li lbieraħ kien il-154 anniversarju mit-twaqqif tas-Seminarju ta’ Għawdex, huwa żar ukoll din id-dar ta’ formazzjoni li sejħilha “Alma Mater” tiegħu. Hawnhekk huwa ltaqa’ mar-Rettur u l-equipe tal-formazzjoni.

F’indirizz qasir lill-membri tal-Kurja u lill-Kappillani, l-Isqof Mario qal li jħossu grat ħafna lejn din il-Knisja f’Għawdex għax kienet hi li sawritu kemm bħala bniedem, bħala Nisrani, u fil-ministeru saċerdotali u episkopali.

“Jien konvint li waħda mir-raġunijiet għaliex il-Papa Franġisku sejjaħli għal din il-missjoni ta’ Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet hija l-esperjenza pastorali li ksibt magħkom. Fi kliem ieħor, kien il-poplu ta’ Alla f’din il-gżira li għaġinni u ħejjieni biex illum ġejt fdat b’din ir-responsabbiltà,” qal Mons. Grech.

Insista li l-ħidma tiegħu mhux se tbegħedu minn din id-djoċesi maħbuba. “Ixxettilt hawn u għeruqi se jibqgħu hawn. Għandi x-xorti li nista’ ngawdi l-viċinanza tal-Isqof tagħna Dun Anton li għalija huwa spalla tajba. Ma ninsiex dak li huwa qalli qabel tlaqt f’Settembru li għadda: li jien se nkun ħarries tal-komunjoni fil-Knisja. Is-sinodalità u l-komunjoni huma ż-żewg faċċati tal-istess medalja. Il-programm tal-Isqof Teuma msejjes fuq il-motto ‘U baqa miexi magħhom’ jawgura tajjeb biex is-sinodalità tkun karattru distintiv ta’ din il-Knisja. Għodduni wieħed minnkom. Grazzi ta’ kollox,” temm jgħidilhom Mons. Grech.

Min-naħa tiegħu, l-Isqof Teuma feraħ lil Mons. Grech u stieden biex inkomplu nsostnuh bl-imħabba umana u bit-talb. Qal li l-missjoni tal-Kardinal-elett hija waħda li tqiegħdu aktar minn qabel bħala qaddej tagħna u tal-Knisja kollha.

Ilbieraħ ukoll, flimkien mal-Isqfjiet Maltin, Mons. Grech għamel żjara ta’ kortesija lill-E.T. Dr George Vella, President ta’ Malta, waqt li t-Tlieta ġie milqugħ għal pranzu f’ġieħu għand in-Nunzju Appostoliku Mons. Alessandro D’Errico.