Il-Kardinal Cupich isejjaħ għal bidla radikali fil-Knisja

Il-Kardinal Blase Cupich iddefenda lill-Papa Franġisku u sejjaħ biex ikun hemm bidla radikali fil-prattiċi tal-Knisja, li hu sostna li trid tkun “bidla radikali”.
Il-Kardinal kien qed jindirizza konferenza fl-Università ta’ Cambridge bit-tema: “Ir-Rivoluzzjoni tal-Ħniena ta’ Papa Franġisku: Amoris Laetitia bħala bidla kbira fil-Kattoliċiżmu”.
Qal li din il-bidla trid tkun minn prattika li tiffoka fuq “l-applikazzjoni awtomatika ta’ prinċipji universali” għal prattika li tkun “kontinwament magħġuna f’sitwazzjonijiet konkreti”.
Waqt din il-konferenza, il-Professur John Rist, filosfu, issuġerixxa  li l-bidla li ried jagħmel il-Papa hi attentat biex joffri soluzzjonijiet għall-problemi soċjali ġenwini li jeżistu fis-soċjetà tal-Punent u b’hekk jimponi tibdil radikali fid-duttrina tal-Knisja. 
Għal dan, il-Kardinal wieġeb billi staqsa “Allura nemmnu verament li l-Ispirtu s-Santu m’għadux jiggwida lill-Knisja?”
F’intervista mal-Catholic Herald il-Kardinal Cupich iddefenda wkoll lill-Papa Franġisku dwar il-kontroversja li nqalet dwar l-abbużi sesswali tat-tfal fiċ-Ċilì.
L-appoġġ li offra l-Papa lill-Isqof Juan Barros ta’ Osorno, kien ikkritikat.
Issa ħareġ li fl-2015, il-Kardinal Sean O’Mulley, konsulent ewlieni tal-Papa dwar il-protezzjoni tat-tfal, kien ta ittra lill-Papa li fiha, wieħed mill-vittmi ta’ abbuż allega li l-Isqof Barros kien għalaq għajnejh għall-abbuż.
Mistoqsi dwar dan Cupich wieġeb: “Naħseb li issa l-Papa li bagħat lill-Arċisqof Scicluna biex jisma lil dawk li għamlu dawn l-akkużi għamel sew. 
L-Arċisqof Scicluna hu l-persuna addattata biex tagħmel din il-biċċa xogħol”. 
Qal li l-Knisja miexja 'l quddiem u qed timplimenta r-riformi tal-Papa Benedituu XVI fejn tidħol il-protezzjoni tat-tfal u issa nħatret ukoll Kummissjoni għall-Protezzjoni tal-Minuri biex kulħadd jinżamm responsabbli.
Il-Kardinal Cupich qal li hu jemmen li ħadd ma jista’ jħassar id-deċiżjoni ta’ individwu dwar jekk għandux jitqarben jew le.
Il-Papiet San Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI affermaw it-tagħlim tal-Knisja li min hu ddivorzjat u miżżewweġ ċivilment jista’ biss jitqarben jekk jiddeċiedu li jgħixu “f’astinenza kontinwa”.
B’kuntrast għal dan il-Kardinal Cupich qal li min hu ddivorzjat u reġa’ żżewweġ, jew dawk tal-istess sess li huma f-relazzjoni sesswali attiva, jistgħu jitqarbnu jekk il-kuxjenza tagħhom twassalhom biex jagħmlu hekk.
“Dan id-dixxerniment trid tagħmlu l-persuna u l-kuxjenza tagħha rridu nirrispettawha. Is-saċerdot għandu jgħin lil dik il-persuna tifhem x’inhi s-sejħa t’Alla għaliha”.
Mistoqsi x’jiġri jekk persuna tħoss li għandha titqarben u s-saċerdot li qed jakkumpanjaha ma jaqbilx, il-Kardinal qal “Għalhekk il-Papa qal li aħna rridu niffurmaw il-kuxjenza ta’ dawn in-nies mhux nibdluha”.