Il-Kardinal Burke nnominat mill-ġdid għall-Qorti Suprema tal-Knisja

Il-Papa Franġisku reġa’ ħatar lill-Kardinal Raymond Burke bħala Membru tas-Senjatura Apostolika li hi l-Qorti Suprema tal-Knisja Kattolika.  Din il-ħatra ġiet bħala sorpriża billi l-Papa kien neħħieh minn din l-istess kariga tliet snin ilu u anke għaliex Burke hu fost il-Kardinali l-aktar kritiċi tal-Papa partikolarment rigward l-Eżortazzjoni Apostolika Amoris Laetitia.
Id-deċiżjoni tal-Papa li joffri lill-Kardinal post fuq l-ogħla qorti tal-Knisja tista’ tinftiehem bħala sinjal ta’ paċi u saret wara li l-ogħla diplomatiku tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin appella biex ikun hemm aktar djalogu fi ħdan il-Knisja.
Din il-ħatra jista’ jkollha wkoll l-effett li tiġbed lill-Kardinal Burke aktar lejn l-amministrazzjoni tal-Papa Franġisku u allura joqgħod aktar attent jekk jiġi biex jikkoreġi lill-Papa għax din tidher bħala mossa diviżiva meta min-naħa tiegħu l-Papa għamel mossa ta’rikonċiljazzjoni.
F’Novembru tal-2014 il-Papa kien neħħa lil Burke minn Prefett tas-Senjatura Appostolika, allegatament minħabba li dan kien qed jopponi riformi biex ikunu simplifikati u mħaffa il-proċeduri għall-annullament taż-żwiġijiet.
Minn dakinhar, il-Kardinal Burke li għandu 69 sena,  hu l-ex Arċisqof ta’ Missouri sar l-akbar kritiku tradizzjonalista tal-pontifikat tal-Papa Franġisku. F’Novembru li għadda, hu u tliet kardinali oħra għamlu numru ta’ domandi lill-Papa magħrufa bħala “dubia” dwar l-Amoris Leatitia u poġġew fid-dubju il-ftuħ li sar biex xi persuni divorzjati li reġgħu żżewġu jkunu jistgħu jitqarbnu.
Billi l-Papa ma tahom ebda risposta, il-Kardinal Burke qal li kien se joħroġ korrezzjoni lill-Papa wara li l-ġimgħa li għaddiet grupp ta’ saċerdoti u studjużi ħarġu dik li tissejjaħ “korrezzjoni ta’ aħwa” li fiha akkużaw lill-Papa Franġisku li qed jippermetti li tinxtered ereżija.
Skont il-Liġi Kanonika u t-Tagħlim tal-Knisja, ma hemm ebda proċess li bih xi individu fil-Knisja – inkluż Kardinali – jistgħu jiġġudikaw lill-Papa u allura dan ipoġġi l-mistoqsija, x’effett jista’ jkollha din il-korrezzjoni. Tradizzjonalment, meta xi Kardinal jagħmel kritika lill-Papa din issir fil-magħluq.
Il-Kardinal barra l-ħatra fis-Senjatura Appostolika hu wkoll il-Patrun tal-Ordni ta’ Malta u membru tal-Kongregazzjoni għall-Kawża tal-Qaddisin.