Il-Kardinal Bertone jispiċċa minn Segretarju tal-Istat tal-Vatikan

Il-Kardinal Bertone llum temm il-kariga tiegħu bħala Segretarju tal-Istat tal-Vatikan.

Min-nofsinhar tal-lum, l-Arċisqof Taljan Pietro Parolin ħa f’idejh is-Segreterija tas-Santa Sede.

F’ċerimonja qasira fil-Vatikan stess, f’isem ukoll il-Papa Emeritu Benedittu XVI, il-Papa Franġisku rringrazzja lill-Kardinal Bertone tal-kontribut siewi li ta fl-aħħar snin.

F’diskors qasir, Bertone semma wħud mill-mumenti li għadda minnhom fis-seba’ snin li serva bħala il-“Prim Ministru” tal-Vatikan.  

Il-Kardinal qal li “l-ispirtu Sależjan mmarkalu ħajtu u mmarka wkoll is-servizz li ta lis-Santa Sede”.

Stqarr li fil-Papa Franġsiku ma jarax rivoluzzjoni iżda kontinwazzjoni ta’ Benedittu, għaliex minkejja l-karattri u l-esperjenzi differenti li għaddew minnhom tul il-ħajja, iż-żewġ papiet għandhom karattru spontanju u d-devozzjoni kbira lejn il-Madonna.

Franġisku emfasizza l-lealtà kbira li l-Kardinal Bertone kellu lejn Pietru u kemm din hi karatteristika importanti għal min ikollu r-rwol ta’ Segretarju tal-Istat tal-Vatikan.

Il-Papa qal li l-Arċisqof Parolin, li kien iservi bħala Nunzju fil-Venezwela, mistenni jidħol fl-uffiċċju l-ġdid tiegħu fil-ġimgħat li ġejjin sakemm ikun jista’ jikseb saħħtu lura minħabba li għamel operazzjoni minuri.