Il-karavans fil-Mistra ordnati jiżgumbraw

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-karavans li hemm fil-preżent fil-bajja tal-Mistra iridu jitilqu sal-aħħar tal-ġimgħa. Dan fuq infurzar mill-MEPA u ordni tal-Pulizija. 

Kien Newsbook.com.mt li fil-bidu tax-xahar li għadda kien żvela kif numru ta’ karavans, għal sena oħra konsekuttiva, kienu qed jinġabru quddiem il-bajja tal-Mistra.

Dan meta hemm ordni tal-MEPA stess li ħadd ma jista’ joqgħod bil-karavan jew bit-tined man-naħa tal-kosta b’mod permanenti.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li fiż-żona għad hemm stazzjonati numru ta’ karavans.

Ħafna minn dawn il-karavans joqgħodu hemm għal perjodu twil ta’ żmien, ġieli sal-aħħar tas-sajf.

Uħud minnhom iduru kultant ġranet għaliex jafu li ma jistgħux jibqgħu mal-kosta. 

Jirriżulta li l-MEPA ma tistax tieħu azzjoni ta’ żgumbrament għaliex din hi r-responsabbilta’ tal-Pulizija.

Is-sidien ta’ dawn il-karavans issa għandhom sal-aħħar tal-ġimgħa biex jitilqu.