“Il-karattru Ewropew inbena minn snin ta’ migrazzjoni”

Il-Kunsill tal-Konferenzi Episkopali Ewropej saħaq li l-karattru Ewropew inbena minn snin sħaħ ta' migrazzjoni. 
Din kienet id-dikjarazzjoni finali tal-Assemblea Plenarja tal-Kunsill, li ltaqgħet f'Minsk, il-Belarussja, li għaliha attendew Isqfijiet minn 45 pajjiż Ewropew fosthom l-Arċisqof Charles Scicluna, il-President tal-Konferenza Episkopali Maltija.
Il-Kunsill sostna li l-Knisja se tkompli taħdem mal-pajjiżi Ewropej sabiex l-immigranti jkomplu jintegraw fis-soċjetà, u mhux jitwarrbu. 
Spjega li rridu jingħelbu l-biżgħat u d-diffikultajiet li l-migrazzjoni ġġib magħha, għax dawn l-immigranti ma jistgħux ikomplu jiġu iżolati.
Minflok, issuġġerixxa li l-kommunitajiet Ewropej jingħaqdu permezz tal-valuri komuni li dejjem ħaddnu, u li jirrispettaw kull reliġjon u tradizzjoni li hija differenti minn tagħhom.  
Waqt l-Assemblea, il-Kunsill għaraf ukoll l-importanza li l-Knisja tersaq iktar viċin iż-żgħażagħ, u tmexxihom fi triqthom bil-paċenzja u l-imħabba, bħalma omm tiddirieġi lil uliedha.
Sostna li l-impenn tal-Knisja għandu jkun li jiftħu għajnejn iż-żgħażagħ għall-imħabba t’Alla, li tista’ tgħinhom jegħlbu l-isfidi u t-tentazzjonijiet tal-ħajja.   
Il-Kunsill temm jgħid li l-Knisja u l-kommunitajiet Ewropej mixjin l-istess triq, u awgura lill-Papa Franġisku suċċess fil-tiġdid tal-ħidma tiegħu fl-Ewropa, sabiex flimkien iwittu t-triq għal iktar ġustizzja u paċi fil-kontinent.