Il-Kaptan Tom għalaq 100 sena u laħħquh kurunell

Il-Kaptan Tom Moore, il-veteran tal-gwerra Ingliż li ġabar £30 miljun għall-NHS billi mexa dawriet fil-ġnien tiegħu, għamluh kurunell onorarju fl-għeluq il-100 sena tiegħu. Din l-okkażjoni speċjali kienet immarkata wkoll bi flypast mill-RAF u awguri ta’ għeluq sninu mir-Reġina Eliżabetta u  mill-Prim Ministru Boris Johnson.

Il-Kaptan Tom qal li kien ‘straordinarju’ li  wieħed jagħlaq 100 sena speċjalment meta tant eluf bagħtu jawgurawlu.

Il-Kap Ġenerali tal-Armata Sir Mark Carleton-Smith sejjaħ lill-Kaptan Tom bħala ‘mudell ta’ ispirazzjoni’.

Il-Kaptan Tom kien mistenni li jqatta’ l-biċċa l-kbira tal-ġurnata waħdu fl-iżolament ma’ bintu Hannah Ingram-Moore u l-familja tagħha fid-dar tiegħu f’Marston Moretaine f’Bedfordshire.

“Meta tagħlaq 100 sena hija xi ħaġa kbira. Meta mbagħad tagħlaq 100 b’dak l-interess kollu fik u l-ġenerożità enormi mill-pubbliku, din hija xi ħaġa kbira ħafna,” qal.

“In-nies jgħidu li dak li għamilt huwa notevoli. Madankollu huwa dak li għamilt għalija stess li huwa notevoli,” qal il-Kaptan Tom. “ U jekk jogħġbok dejjem ftakar:  għada se tkun ġurnata tajba.”

Il-Kaptan Tom, li riċentement kien fieq  minn miksur fil-ġenbejn u kanċer fil-ġilda, fil-bidu kellu l-għan li jilħaq £1,000. Kien qal li beda jiġbor il-flus għall-infermiera u l-NHS “għax qed jagħmlu xogħol b’mod manifiku”.

Il-Prim Ministru Boris Johnson f’messaġġ irrekordjat qal li r-raġel kien punt ta’ dawl f’ħajjitna lkoll.  “Naf li qed nitkellem għall-pajjiż kollu meta nixtieqlek l-isbaħ xewqat f’għeluq sninek,” qal Johnson. “Dak li għamilt huwa att erojku li jgħolli l-ispirtu tan-nazzjon sħiħ.”