Il-kaptan tal-MV Lifeline jirbaħ l-appell; jinħeles mill-multa

Aġġornat 11:04 AM

Read in English.

Il-kaptan tal-bastiment MV Lifeline rebħa l-appell wara li l-Qorti tal-Appelli Kriminali ħassret is-sentenza li kien ingħata wara li ġie akkużat dwar irregolaritajiet fir-reġistrazzjoni tal-bastiment.

F’Mejju tal-2019, Claus Peter Reisch kien instab ħati li saq bastiment b’reġistrazzjoni mhux adekwata u li daħal bla permess fl-ibħra territorjali Maltin. Hu kien ġie mmultat €10,000 li kellhom jitqassmu fost għadd ta’ NGOs madwar Malta u Għawdex.

Permezz ta’ post fuq Facebook, il-Fondazzjoni Aditus spjegat li l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li Reisch ma kellu l-ebda intenzjoni kriminali. Il-Fondazzjoni sostniet li l-intenzjoni ta’ Reisch dejjem kienet li jsalva l-ħajjiet.

Is-sentenza fil-konfront tal-Kaptan kienet inqatgħet fil-konfront tal-każ meta daħal Malta b’234 persuna abbord f’Ġunju li għadda. Dawn il-persuni kienu tħallew sitt ijiem bejn sema u ilma.

Kien ftit qabel is-7.30pm, nhar is-27 ta’ Ġunju, meta l-bastiment trakka mal-moll f’Boilers Wharf, bil-persuni abbord ixejru u jċapċpu bi gratitudni li sabu port sigur li jilqagħhom. Il-ħidma kienet koordinata mill-Korp tal-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta, l-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Persuni li jfittxu l-Ażil, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Transport Malta u l-awtoritajiet tas-saħħa.

WE WON! Claus-Peter Reisch is a free man and the Lifeline is a free ship! The judge was not convinced he ever had any…

Posted by aditus on Tuesday, January 7, 2020

Damit hat niemand gerechnet! 🍾🎊 Claus-Peter Reisch und die Mission Lifeline wurde heute nach 559 Tagen endlich…

Posted by LIFELINE on Tuesday, January 7, 2020

Bastiment ġdid għal Mission Lifeline

Kelliem għal Mission Lifeline qal li l-għaqda kuntenta u b’rasha mistrieħa wara dan id-digriet. Axel Steier qal li Mission Lifeline se tkun qed terġa’ tieħu f’idejha l-bastiment iżda mhux se jkun qed jopera aktar. Qal li l-ebda stat mhu qed joffri kundizzjonijiet aċċettabbli għall-bastiment.

L-għaqda ħabbret li xtrat bastiment ieħor bl-isem ta’ Rise Above li se jibda jintuża fir-Rebbiegħa. Dan il-bastiment kien f’idejn il-Forzi Armati Ġermaniżi u bħalissa qed jinbena mill-ġdid fit-Tramuntana tal-Ġermanja.