Il-kaptan tal-Lifeline jerġa’ jiġi Malta għalxejn minn jeddu

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Għat-tieni darba konsekuttiva, il-każ tal-bastiment MV Lifeline reġa’ ġie diferit. Dan ħareġ minn digriet tal-Qorti datat fis-6 ta’ Settembru u li l-Maġistrat Joe Mifsud spjega li l-persuni konċernati kienu ġew avżati immedjatament.

Il-kawża ġiet diferita għat-2 ta’ Ottubru f’12pm minħabba li t-tweġibiet għall-ittri rogatorji kienu għadhom ma waslux mill-Olanda. Ingħad li fl-aħħar seduta kien miftiehem li jekk dawn ma jkunux waslu, l-kawża tkun diferita għal data oħra. Intant, l-imputat ingħata l-permess li jibqa’ l-Ġermanja u li jiġi Malta għas-seduta u li jibqa’ bl-istess kundizzjonijiet li ngħata.

Fit-23 ta’ Awwissu, il-Kaptan tal-bastiment Claus Peter Reisch inġieb Malta għalxejn hekk kif il-każ spiċċa ma kompliex jinstema’ quddiem il-Qorti.

Dakinhar attivisti mill-għaqdiet non-governattivi Sea-Watch, Sea-Eye u Lifeline waslu l-Qorti flimkien mal-Kaptan Claus Peter Reisch b’funeral simboliku. Il-Kaptan qed jaffaċja akkużi li meta salva daqs 235 ħajja fil-baħar Mediterran, għamel dan mingħajr ir-reġistrazzjoni meħtieġa biex juża l-bastiment tiegħu b’dan il mod.

Minkejja li avżati, Claus Peter Reisch u l-attivisti xorta ġew lejn il-Qorti u ħadu sehem f’azzjoni simbolika fil-Belt li kienet tinvolvi l-għotja tas-sentenzi lil diversi mexxejja Ewropej. L-attivisti libsu maskri tal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat, il-Ministru tal-Intern Taljan Matteo Salvini, il-Prim Ministru tal-Ungerija Victor Orban, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, il-Kanċillier Awstrijak Sebastian Kurz, u l-Ministru tal-Intern Ġermaniż Horst Seehofer. Il-“mexxejja politiċi” kellhom idejhom immantejati u żebgħa ħamra simbolika għad-demm.