Il-kaptan tal-Lifeline għall-Qorti

Ian Noel Pace

Read in English.

Il-kaptan tal-bastiment Lifeline li wara sitt ijiem isalpa bejn sema u ilma, ilbieraħ filgħaxija daħal l-Isla b’234 immigrant abbord se jitressaq il-Qorti.

Dan ikkonfermatu ma’ Newsbook.com.mt kelliema għall-Gvern, li żiedet tgħid li l-kaptan illum waranofsinhar ingħata l-police bail, jiġiferi nħeles b’kundizzjonijiet mogħtija mill-Pulizija.

Il-kelliema spjegat li lbieraħ filgħaxija wara li ġie interrogat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-kaptan reġa’ twassal kif kien ippjanat għal fuq il-vapur, fejn kien hemm il-bqija tal-membri tal-ekwipaġġ u qatta’ l-lejl hemmhekk.

Irrimarkat li dalgħodu ssejjaħ mill-ġdid id-Depot fejn ikkonsulta mal-avukat tiegħu u kompla jiġi interrogat. L-interrogazzjoni ġiet imwaqqfa hekk kif il-kaptan intalab iċaqlaq il-vapur minn moll għall-ieħor, u dritt wara tkompliet l-interrogazzjoni.

Is-6 persuni li ttieħdu l-isptar f’qagħda stabbli

Intant is-sitt immigranti fosthom it-tlett itrabi li mal-wasla ttieħdu immedjatament l-Isptar Mater Dei, jinsabu f’kundizzjoni stabbli. L-ewwel li ma ġie rilaxxat mill-isptar kien adult li kiser il-polz.  Il-kelliema spjegat li t-trabi ttieħdu l-isptar mill-ewwel minħabba li t-traġitt kien wieħed twil ħafna.

Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt l-iżgħar persuna fuq il-vapur kienet tarbija ta’ tmien xhur u l-ikbar ta’ madwar 40 sena.