Il-kaptan tal-“ikbar għarqa ta’ immigranti fil-Mediterran” jibda jgħaddi ġuri

Fi Sqallija beda għaddej ġuri t-Tuneżin li f’April tas-sena li għaddiet kien inżamm arrestat u akkużat li wassal għall-mewt ta’ 800 immigrant fil-Mediterran.
Ma’ Mohammed Ali Malek tressaq ukoll is-Sirjan, Mahmud Bikhit, akkużati li għenu l-immigrazzjoni illegali.
It-Tuneżin qed jiffaċċja l-akkużi wkoll li saq il-bastiment tas-sajd mimli bin-nies, li wassal għall-mewt ta’ diversi persuni u anke l-għarqa wara li baqa’ dieħel fil-vapur li mar jagħti l-ewwel għajnuna.
Malek kien fost 28 ruħ biss minn madwar 800 li oriġinarjament kienu fuq il-bastiment tas-sajd.
It-traġedja ta' April, li wasslet biex immigranti misjuba mejta ndifnu f'Malta, tqieset l-ikbar traġedja tal-immigrazzjoni fl-aħħar snin u tat bidu għal diversi laqgħat għolja fuq livell tal-UE dwar l-immigrazzjoni. 
Il-Qorti mistennija tkompli tisma’ l-każ fit-22 ta’ Marzu.