Il-Kaptan ta’ Sea-Watch tidher quddiem il-Qorti Taljana

Reuters

Il-Kaptan Ġermaniża tal-bastiment Sea-Watch, Carola Rackete, dehret quddiem il-Qorti Taljana llum wara li ġiet akkużata li sfidat il-liġi Taljana li pprojbiet lill-bastiment bl-immigranti abbord milli jidħol fl-ibħra Taljani.

Kien hemm bosta nies biex jappoġġjaw lil Rackete, li għandha 31 sena, meta din waslet f’Agrigento fuq bastiment tal-pulizija minn Lampeduża, fejn hija niżżlet lil 41 Afrikan fi tmiem il-ġimgħa li ġew salvati mil-Libja.

Aqra: Sea-Watch jisfida lill-Gvern Taljan billi jidħol fl-ibħra territorjali Taljani

Il-Ministru għall-Intern Taljan Matteo Salvini qed isejjaħ lil Rackete pirata u akkużaha li qed taħtaf lin-nies, filwaqt li l-politiċi xellugin qed ifaħħruha bħala eroj antipopulista. Rackete kienet ilha fl-ibħra internazzjonali iżjed minn ġimagħtejn, tistenna li l-Italja jew xi pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea jaċċetta l-bastiment tagħha.

Il-Ġermanja appellat li Rackete tinħeles. Il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte qal lill-Kanċillier Ġermaniża Angela Merkel waqt laqgħa fl-Unjoni Ewropea li dan kien każ ġudizzjarju indipendenti.

Aqra: Ritratti: Il-bastiment Sea-Watch 3 isalva 65 immigrant ‘il barra mil-Libja

L-Imħallef li qed jisma’ l-każ se jkollu 48 siegħa ċans biex jiddeċiedi jekk Rackete għandhiex tinħeles jew le. Salvini qal li jekk hija tinħeles, huwa jiffirma ordni ta’ tkeċċija tagħha minnufih.

Il-41 Afrikan ittieħdu f’ċentru f’Lampeduża, u Salvini qal li pajjiżi Ewropej oħra aċċettaw li jiħduhom.