Il-kappillani mhux se jitolbu flus għas-servizzi tal-funerali

Read in English.

Il-kappillani mhux se jkunu qed jitolbu flus għas-servizzi tal-funerali, minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Fi stqarrija l-Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li s-70 kappillani tagħha ssospendew il-kontribut finanzjarju mogħti lis-saċerdot għas-servizz tal-funerali.

“Din il-miżura temporanja hija intenzjonata li ttaffi d-diffikultajiet finanzjarji li ħafna familji qed jesperjenzaw konsegwenza tas-sitwazzjoni li żviluppat mill-imxija tal-coronavirus,” qalet l-Arċidjoċesi.

Spjegat li l-kappillani u l-kummissjoni djakonija ta’ kull parroċċa qed jagħmlu dak kollu possibbli biex jgħinu b’mod konkret lill-familji, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli. Dan minbarra għajnuna oħra spiritwali permezz ta’ inizjattivi ta’ talb online jew talb privat fil-knejjes parrokkjali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn