Il-Kappillani jitħarrġu ‘kif jisimgħu’ aħjar

Live-In Kappillani - 07/01/20

Read in English.

Il-kappillani tas-70 parroċċa f’Malta għadhom kif temmew tliet ijiet ta’ taħriġ dwar kif jisimgħu aħjar biex jifmhu aħjar il-persuni u r-realtajiet tas-soċjetà ta’ dan iż-żmien.  L-Arċisqof Charles J. Scicluna u l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi attendew għal dan il-live-in li sar fis-Seminarju f’Tal Virtù.

Matul dawn il-ġranet, il-kappillani ħadmu fuq numru ta’ attitudnijiet u ħiliet marbuta ma’ tliet aspetti essenzjali tas-smigħ: is-smigħ ta’ Alla, is-smigħ ta’ xulxin, u s-smigħ tar-realtà ta’ madwarna. Dan sar permezz ta’ kelliema li attendew il-live-in u mexxew għadd ta’ taħditiet u workshops mal-parteċipanti fejn setgħu jipprattikaw dak li ddiskutew.

L-għażla ta’ din it-tema mhux biss issostni l-ħidma importanti li jwettqu l-kappillani iżda hi parti minn impenn akbar li qed tieħu l-Knisja f’Malta: li tkun Knisja li tisma’, li tilqa’, li takkumpanja, u li toħroġ biex twassal il-Bxara t-Tajba. Dawn l-erba’ attitudnijiet huma l-bażi tal-Pjan Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta għall-perjodu 2020 – 2023. 

Il-kappillani ddiskutew ukoll il-mod kif jgħinu liż-żgħażagħ biex jisimgħu s-sejħa ta’ Alla għalihom. Il-live-in intemm bid-diskors tal-Arċisqof li fisser it-tagħlim tal-Papa Franġisku dwar id-dixxerniment u kif dan jista’ jgħin lill-kappillani fuq livell personali kif ukoll fil-ħidma pastorali tagħhom mal-lajċi.

Il-live-in ta’ tlitt ijiem, li ġie organizzat mill-Kunsill tal-Kulleġġ tal-Kappillani, jipprovdi wkoll ħin għat-talb u għad-diskussjoni bejn il-kappillani u l-isqfijiet.