Il-kappillani jiddiskutu l-Quddiesa tal-Ħadd

70 kappillan tal-parroċċi f’Malta u 15-il kappillan tal-parroċċi f’Għawdex, qed jattendu għal-live-in annwali li qed isir fis-Seminarju tal-Arċisqof, tal-Virtù.
It-tema għal-live-in ta’ din is-sena hi l-Quddiesa tal-Ħadd u l-bini tal-komunità Nisranija. Flimkien mal-kappillani qed jattendu għal dan il-live-in, l-Isqof Charles J. Scicluna, Amministratur Appostoliku, u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech.
Il-live-in tal-kappillani beda llum u jintemm nhar il-Ħamis. Matul dawn it-tlett ijiem il-kappillani qed jisimgħu numru ta’ esperjenzi ta’ ċelebrazzjonijiet tal-Quddies li madwarhom inbniet komunità ħajja u attiva fil-parroċċa.
Il-kappillani se jiġu indirizzati wkoll minn koppji miżżewġa, familji, żgħażagħ, inkluż dawk li m’għadhomx jattendu l-Quddies. Il-live-in jipprovdi wkoll ħin għad-diskussjoni u talb fost il-kappillani.
Din is-sena, il-live-in ġie organizzat mill-Kunsill tal-Kulleġġ tal-Kappillani ta’ Malta u dak ta’ Għawdex.
Ritratti: Photocity, Valletta