Il-Kappillani Għawdxin jiltaqgħu mal-President

Djoċesi ta' Għawdex

L-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech flimkien mal-Kulleġġ tal-Kappillani ġew mistiedna għal working lunch mal-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca, li saret f’Għawdex stess.

Skont post tad-Djoċesi ta’ Għawdex fuq Facebook, il-President tkellmet dwar ix-xogħol tal-Malta Community Chest Fund (MCCF) kif ukoll il-President’s Trust.

Hi rringrazzjat lill-Kappillani talli huma qrib il-foqra u jissieltu sabiex ikunu minn tal-ewwel li jagħtu l-għajnuna.

Min-naħa l-oħra, matul il-laqgħa, l-Isqof u l-Kappillani tkellmu dwar diversi sitwazzjonijiet ta’ tbatija fis-soċjetà Għawdxija li sostnew hemm bżonn jiġu indirizzati.

Il-laqgħa wasslet għal qbil sabiex jitwaqqaf kumitat konġunt bejn l-Uffiċċju tal-President u d-Djoċesi ta’ Għawdex biex jiġi segwit il-frott tad-diskussjoni.