‘Il-Kappillan ta’ Malta’ maħruġ bil-Malti

Ir-rumanz Il-Kappillan ta’ Malta, miktub minn Nicholas Monsarrat, ħareġ uffiċjalment bil-Malti.
Monsarrat kiteb Il-Kappillan ta’ Malta f’Għawdex. Huwa għex l-aħħar għaxar snin ta’ ħajtu, mill-1968 sa mewtu fl-1979, fir-raħal ċkejken ta’ San Lawrenz.
Il-ħruġ uffiċjali sar ilbieraħ ġewwa Palazzo De La Salle fil-Belt Valletta.
Huwa ġie tradott għall-Malti minn Wistin Born, l-awtur magħruf tas-Salib tal-Fidda.
It-traduzzjoni saret minn Wistin Born ftit xhur wara li kien ħareġ ir-rumanz fl-1973 biex Charles Arrigo jaqrah fuq ir-Rediffusion. Ir-rumanz inqara fl-aħħar xhur qabel ma s-servizz tar-Rediffusion intemm għal kollox fil-bidu tal-1975.
Fil-ħruġ sar qari drammatizzat ta’ siltiet mir-rumanz minn Clive Piscopo, Lee-N Abela u Joseph Galea.
Membri tal-udjenza fil-ħruġ fakkru l-ħidma kbira u siewja li Wistin Born għamel mar-Rediffusion għal ħafna snin, il-ġmiel tal-ilsien Malti wżat fit-traduzzjoni tar-rumanz, kif ukoll il-qawwa u s-sbuħija tar-rakkont ta’ Monsarrat.
L-editur tal-ktieb, Fr. Mark Montebello qal li Il-Kappillan ta’ Malta hu rumanz għal żmienna u li mhux biess ifakkar l-istorja mqallba tal-Gżejjer Maltin u jiċċelebra s-sbuħija tal-ilsien Malti, imma wkoll jagħti messaġġ qawwi ta’ kuraġġ u tama lil kulmin jinsab imħabbar mill-hemm tal-ħajja.
Il-ktieb, ippubblikat mill-Pubblikaturi SKS, jinsab għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin għall-prezz ta’ €12.99.