Il-Kappella San Ġużepp fil-Manikata tagħlaq 100 sena

Il-Kappella San Ġużepp fil-Manikata għalqet 100 sena minn meta nbniet. Fi stqarrija mill-Parroċċa tal-Manikata kienet irrakkuntata l-istorja ta’ minn fejn ħarġet l-idea ta’ din il-Kappella u min kienu dawk li xammru l-kmiem biex din tinbena.

Fr Denis Schembri spjega kif nhar it-8 ta’ Mejju tal-1919, l-aħwa Ġamri u Salvu Camilleri mill-Manikata taw biċċa art lil Salvu Galea u Lazzru Grima f’isem il-komunità tal-bdiewa tal-post biex dawn jibnu fuqha knisja, sagristija u dar żgħira għall-qassis. Din l-art ingħatat bil-kundizzjoni li l-knisja tinbena fi żmien ħames snin mill-kuntratt. Il-bennej tal-knisja kien il-Mastru Spiru Grima mill-Manikata, imlaqqam Tal-Qablu. Il-kuntratt sar għand in-nutar Luigi Gauci Forno fid-dar tal-villeġġjatura li kellu l-Mellieħa.

Minkejja li l-kuntratt kien jgħid li l-knisja kellha tinbena fi żmien ħames snin, jidher li din ma damitx wisq biex inbniet. Dan għaliex fl-1920 saret il-qanpiena tal-kampnar. Din saret fil-funderija tal-aħwa Debono. Fuqha hemm bassoriljev tal-Qalb ta’ Ġesù.

Qal li fl-1920 sar ukoll il-kwadru titulari ta’ San Ġużepp, mill-pittur Ramiro Raffaele Calì. Ramiro Calì u d-disa’ ħutu kienu wlied il-pittur magħruf ta’ nisel Naplitan Giuseppe Calì. Ramiro kien l-uniku wieħed li sar pittur bħal missieru. Studja l-arti f’Ruma. Għalkemm qatt ma laħaq il-popolarità u l-eċċellenza artistika li laħaq missieru, Ramiro Calì influwenza ruħu mill-istil ta’ missieru kif ukoll ta’ artisti oħra Maltin ta’ żmienu bħal Lazzru Pisani, Giuseppe Hyzler u Michele Bellanti. Għamel ukoll kwadri li fihom wera oriġinalità u ħila artistika. Għandu bosta xogħlijiet f’Malta u Għawdex. Il-kappella tal-Kurċifiss fil-knisja ta’ Bormla ħija l-uniku knisja fejn wieħed jista’ jsib ix-xogħolijiet ta’ Ġużeppi Calì.  

Spjega li l-kwadru tal-knisja tal-Manikata kien rigal minn Vincenzo Vella. Ramiro Calì jidher li kien sodisfatt meta ra l-kwadru tiegħu fil-post, għax f’xi waħda miż-żjarat tiegħu fil-knisja l-qadima ħalla l-firma tiegħu fil-faċċata tal-knisja li tagħti fuq l-isqaq. Il-perit tal-knisja ma nafux min hu, jekk qatt kien hemm wieħed. Il-fatt li l-kuntratt tal-għoti tal-art tal-knisja jsemmi biss il-bennej, jagħti wieħed x’jifhem li l-bennej ħażżeż il-pjanta huwa stess mingħajr ma kkonsulta ma’ perit. Din tista’ tkun irraġuni għall-istat strutturali ħażin li tinsab fih il-knisja llum. Jidher li l-bennej ma tantx kellu tagħrif tekniku fuq kif għandu jinbena bini msaqqaf bil-ħnejjiet. Fil-fatt il-ħitan mhumiex ħoxnin biżżejjed biex iġorru l-piż tas-saqaf.

Kien spjegat ukoll li fuq talba tal-Parroċċa tal-Manikata flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Mellieha d-Direttotat tar-Restawr fi ħdejn il-Ministeru tal-Ġustizzja wettaq xogħol ta’ restawr fuq il-ġebla tal-Kappella.

Intant jidher li qrib il-Kappella se jkun qed isir żvilupp estensiv b’diversi appartamenti lussużi li mistennija jkunu qed jinbnew.