Il-kap tat-Toshiba jirreżenja fuq skandlu ta’ €1 biljun

Il-president u kap eżekuttiv tat-Toshiba rreżenja wara li nkixef skandlu ta’ iktar minn €1 biljun fl-accounts tal-kumpanija ġganteska.
Hisao Tanaka rreżenja hekk kif il-Ministru tal-Finanzi tal-Ġappun wissa li l-iskandlu jista’ jwassal għal tnaqqis qawwi fil-fiduċja tal-investituri internazzjonali fil-pajjiż.
Toshiba ddikjarat iktar profitti milli fil-fatt kellha fuq numru ta’ snin. L-ogħla tmexxija tal-kumpanija tidher li kienet taf b’dawn l-irregolaritajiet fl-accounts.
Investigaturi indipendenti sabu li kienu qed jiġu manipulati l-figuri bi pressjoni kbira fuq id-diviżjonijiet differenti biex jippruvaw jilħqu l-miri għolja ħafna.
Il-viċi Ċermen, Norio Sasaki mistenni jirreżenja wkoll.
Iċ-Ċermen ta’ Toshiba, Masashi Muromachi se jieħu post Hisao Tanaka.
Il-Ġappun ilu snin jipprova juri li qed isiru kontrolli kif suppost fuq l-accounts tal-kumpaniji. Dan wara li fl-aħħar tal-2011, kumpanija kbira oħra, Olympus, kienet ħbiet €1.6 biljun f’telf fuq 13-il sena.
Ir-rapport tal-investigaturi dwar Toshiba jgħid li l-accounts, li ma sarux kif suppost, imorru lura għall-2008 u kien diffiċli għall-awdituri biex jindunaw x’kien qed isir.