Il-Kap tas-Safeguarding Commission dwar il-każi ta’ abbużi minn qassisin

Kull akkuża dwar xi forma ta’ abbuż minn saċerdoti jew persuni oħra li jaħdmu fil-Knisja tiġi investigata mis-Safeguarding Commission li kull meta jkun il-każ tirrapporta mill-ewwel lill-Pulizija. Dan intqal mill-kap tas-Safeguarding Commission, Andrew Azzopardi, waqt intervista għal Newsbook.com.mt. Hu żied jgħid li min għandu għal qalbu l-Knisja għandu jagħmel rapport dwar kull abbuż li jkun sar, kemm jekk dan ikun fiżiku, emozzjonali jew sesswali.

Waqt intervista minn Fr Joe Borg, Andrew Azzopardi tkellem ukoll fuq każijiet ta’ saċerdoti li ssemmew fil-media.

Bdiet investigazzjoni mill-ewwel

Dwar l-eks Arċipriet tax-Xagħra, Mons. Eucharist Sultana, il-Kap tas-Safeguarding Commission qal li waslitlu l-ewwel informazzjoni dwar il-każ fid-29 ta’ Lulju ta’ din is-sena. Fi ftit jiem, huwa ġabar informazzjoni biżżejjed biex jirrakkomanda lill-Isqof Mario Grech li l-qassis jitwaqqaf temporanjament milli jaqdi dmirijietu; dan bla preġudizzju sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet. Is-Safeguarding Commission għamlet ukoll rapport lill-Pulizija.

Kienu l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech li rrappurtaw il-każ lis-Safeguarding Commission immedjatament kif waslitilhom allegazzjoni ta’ abbuż li seħħ snin ilu.

Andrew Azzopardi qal li f’dawn is-sitwazzjonijiet, jkun hemm min jagħmel pressjoni fuq il-vittmi biex jiddefendi akkost ta’ kollox lil-akkużat. Hu żied jgħid li f’dawn is-sitwazzjonijiet delikati hadd m’għandu jaqbeż għall-konklużjonijiet qabel ma jintemmu l-investigazzjonijiet. Azzopardi kkundanna bil-qawwa kollha kull attakk fil-konfront ta’ min sofra l-abbuż. Kull vittma jistħoqqlu appoġġ sħiħ u mhux kundanna. Appella ukoll lil kull min sofra xi tip ta’ abbuż jew kull min għandu suspett ta’ abbuż biex jitkellem. Dawn il-vittmi ser isibu għajnuna mis-Safeguarding Commission.

Il-każ qed jiġi rivedut

Waqt l-istess intervista, Azzopardi kien mistoqsi wkoll dwar allegazzjonijiet oħra fil-media dwar qassis Għawdxi, Mons. Joe Bezzina. Hu qal li l-każ tiegħu ġie investigat snin ilu mir-Response Team li kien immexxi minn imħallef peress li dak iż-żmien is-Safeguarding Commission kien għadha ma twaqfitx. Azzopardi qal li s-Safeguarding Commission qed tirrevedi dan il-każ u jekk ikun meħtieġ isiru r-rakkomandazzjonijiet lill-Isqof t’Għawdex.

L-ebda permess mill-Arċisqof minn Mejju

Andrew Azzopardi tkellem ukoll dwar il-każ ta’ Dun Felix Cini. Hu qal li Cini kien instab ħati l-Italja ta’ mġieba mhux korretta ma’ minuri u kien ordnat mill-Qorti li jagħmel programm residenzjali ta’ rijabilitazzjoni ta’ sentejn. Cini kien ukoll għadda proċess mill-Vatikan li wara li eżamina l-provi kollha u ra r-rakkomandazzjoni pożittiva tal-professjonisti, huwa baqa’ qassis. Cini talab biex jaħdem ta’ qassis b’mod regolari f’Malta kif kien jagħmel fl-Italja, ir-risposta tal-Arċisqof kienet fin-negattiv.

Meta Cini talab biex iqaddes fil-funeral ta’ missieru l-Arċisqof tah permess. Kien hemm okkażjonijiet oħra meta Cini ingħata permess biex iqaddes f’funerali ta’ qraba u ġirien u f’xi okkażjonijiet speċjali.

Aktar kmieni din is-sena l-Arċisqof ħass li talbiet bħal dawn kienu żdiedu u għalhekk talab lis-Safeguarding Commission biex tieħu l-każ f’idejha u tara jekk Cini għandux jibqa’ jingħata permess. Minn Mejju li għadda, Cini ma ngħata l-ebda permess li jqaddes fil-pubbliku.

Azzopardi reġa tenna l-appell li jekk xi ħadd għandu xi informazzjoni dwar dawn is-snin jew is-snin ta’ qabel, jew dwar kull allegazzjoni oħra, ikellem lil-Pulizija jew lis-Safeguarding Commission.

L-akkużi ta’ abbużi minn qassisin dehru iktar fil-beraħ wara li ħareġ rapport dettaljat mill-istat ta’ Pennsylvania fl-Istati Uniti. Dan ir-rapport investiga 70 sena ta’ ġrajjiet li jinvolvu l-abbużi sesswali fuq minuri. Ir-rapport innota li dawn il-każi ġraw qabel is-sena 2002 meta bl-għajnuna tal-Arċisqof Scicluna ddaħħlu normi u strutturi li jindirizzaw l-abbuż tal-minuri minn membri tal-kleru.

F’ittra li bagħat lill-Kattoliċi kollha, il-Papa Franġisku sostna li m’għandu jkun hemm l-ebda tolleranza għal persuni li jinstab li jkunu ħbew abbużi sesswali fuq persuni vulnerabbli biex jgħattu xtur min wettaq ir-reat.

Is-Safeguarding Commission tista’ tiġi kkuntattjata fuq info@safeguarding.mt.