Il-Kap tal-PN Lawrence Gonzi se jipproponi li tinħatar kummissjoni li tagħmel analiżi tar-riżultat elettorali

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi qal li se jkun qed jipproponi li tinħatar kummissjoni li tagħmel analiżi tar-riżultat elettorali.

Dr Gonzi qal dan fi tmiem laqgħa tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista li ġie elett fl-elezzjoni ġenerali ta’ nhar is-sibt li għadda. Huwa qal li waqt il-laqgħa tkellem dwar id-deċiżjonijiet li ttieħdu u tfasslet l-aġenda tal-partit għall-ġimgħat li ġejjin. Matul il-laqgħa tal-bieraħ, kienu deċiżi b’vot sigriet it-tlettax-il membru li se jkollhom vot fl-Eżekuttiv tal-Partit.

Il-Kap Nazzjonalista qal ukoll li dwar il-pass li jmiss fir-rigward tad-distretti li jridu jċedu d-Deputati Nazzjonalisti eletti minn żewġ distretti, din id-deċiżjoni se tittieħed fil-laqgħa tal-Eżekuttiv li mistennija tiltaqa’ l-ġimgħa d-dieħla.

Ftit-sigħat wara li l-Partit Nazzjonalista tilef l-elezzjoni ġenerali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Lawrence Gonzi ddikjara li mhux se jkun qed jikkontesta għall-ħatra ta’ Kap ġdid.

Sadanittant, id-Deputat David Agius kien ikkonfermat bħala Whip u Segretarju tal-Grupp Parlamentari.