Filmat: “Il-Maġistrat aċċetta t-talba biex nippreżenta l-provi dwar Keith Schembri” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ħabbar li l-Maġistrat Aaron Bugeja laqa' t-talba tiegħu biex jippreżenta dawk li sejjaħ "il-provi tal-korruzzjoni tal-Gvern Laburista", Ilbieraħ Dr Busuttil qal li għandu provi dwar allegata korruzzjoni u tixħim miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri mill-bejgħ taċ-ċittadinanza.
Waqt li kien qed jindirizza lill-partitarji Nazzjonalisti f'Ta' Sannat, Busuttil qal li l-Maġistrat laqa' t-talba tiegħu mill-ewwel u fid-9 ta’ għada filgħodu se jkun qed jidher quddiemu.
Il-Maġistrat Bugeja bħalissa qed jinvestiga l-każ Egrant, fejn qed jiġi allegat li sidt il-kumpanija hija Michelle Muscat, mart il-Prim Ministru. Kemm il-Prim Ministru, martu Michelle u Keith Schembri qed jiċħdu l-allegazzjonijiet. 
"Fl-2002 Joseph Muscat kien qal li min jidħol fil-politika jrid ikun ħalliel, missjunarju jew miġnun"
Dr Busuttil saħaq li Keith Schembri jista' jheddu kemm irid b'każi ta' libelli, għax għandu l-provi f'idejh meta jgħid li daħħal commissions b'mod illegali.
Sostna li post Muscat mhux fil-politika u rrefera għal intervista li Dr Muscat kellu fl-2002, meta qal li ma kienx interessat li jikkontesta l-elezzjonijiet.  Simon Busuttil qal li dakinhar Muscat kien wieġeb li biex wieħed jidħol fil-politika jrid ikun ħalliel, missjunarju jew miġnun.  Qal li "mhux missjunarju u nassumu li lanqas miġnun, allura jibqa’ biss li hu ħalliel".
"PM li jiddefendi lill-Ministri li ddefendew it-traffikanti tad-droga"
Il-Kap Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-inkjesta dwar il-każ tad-droga f’Għawdex u stqarr li l-Prim Ministru ddefenda lill-Ministri tiegħu li ddefendew lit-traffikanti tad-droga.  
"Gvern Nazzjonalista jagħti lura l-isptar lill-Għawdxin"
Dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar ta’ Għawdex, Simon Busuttil qal li Gvern Nazzjonalista jieħdu minn idejn il-privat u jinvestiga wkoll il-ftehim li sar bejn il-Gvern u l-kumpanija. Stqarr li hemm suspetti li fil-kuntratt tal-isptar ta' Għawdex hemm il-ħmieġ ukoll.  
F'Ta' Sannat, Simon Busuttil temm jgħid li aktar skandli se jitħabbru fil-jiem li ġejjin.
"12-il siegħa wara l-Kummissarju tal-Pulizija m'għamel xejn" – Simon Busuttil 

Wara li ppreżenta r-rikors fil-Qorti dalgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista kkundanna l-fatt li 12-il siegħa wara li ħareġ dettalji dwar allegata korruzzjoni u tixħim miċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru , il-Kummissarju tal-Pulizija baqa’ ma kkuntattjahx.

Busuttil stqarr li ma marx bil-provi għand il-Pulizija għax m’għandux fiduċja fih, anke għax wara 12-il siegħa baqa’ ma arrestax u ma interrogax lil Keith Schembri. Saħaq li dan biss juri li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż huma pparalizzati minn Gvern Laburista.
Il-Kap Nazzjonalista saħaq li għandu l-provi li d-depożitu ta’ €100,000 sar minn flus ġejjin mill-iskema taċ-ċittadinanza.
Itenni l-appell tiegħu għar-riżenja u interrogazzjoni

Filwaqt li appella mill-ġdid lill-Prim Ministru biex jirriżenja, il-Kap tal-Oppożizzjoni tenna li l-Pulizija għandha tarresta u takkuża lil Schembri dwar korruzzjoni u tixħim ta’ flus.
Żied jgħid li anke l-Prim Ministru għandu jiġiu interrogat, fuq suspett li jista’ jkun kompliċi. 
"Ma nimmaġinahx jaffaċċja l-Parlament"
Dwar jekk hux se jressaq vot ta’ sfiduċja fil-Prim Ministru, Dr Busuttil stqarr li ma jistax jimmaġina li l-Prim Ministru jaffaċċja l-Parlament nhar it-Tlieta f’din is-sitwazzjoni.
"Ċar li m'għandu l-ebda prova dwaru"
Il-Partit Laburista qal li issa huwa ċar li Simon Busuttil m'għandu l-ebda prova u jrid jibgħat lil Joseph Muscat il-ħabs.
Fi stqarrija, il-PL qal li Busuttil qed juża lingwaġġ diżgustanti, filwaqt li jaqbeż għal persuni madwaru akkużati b'korruzzjoni anke fil-Qorti. 
Żied jgħid li fl-aħħar 24 siegħa kieku kien Prim Ministru, Busuttil diġà ordna biex persuni li ma jaqblux miegħu jiġu arrestati u mitfugħa l-ħabs fuq gideb iffabbrikat. 
Ritratt u Filmat: Alvin Vassallo