Il-Kap tal-PN fi Brussell wara li Malta ma tiġix dikjarata tax haven

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia mistenni jitkellem fl-ewwel laqgħa tiegħu mal-membri tal-Partit Popolari Ewropew fi Brussell, li ssejħet fl-isfond tal-vot li ttieħed ilbieraħ fil-Parlament Ewropew biex Malta tiġi meqjusa bħala tax haven, jew ġenna fiskali.
Dan hekk kif ilbieraħ il-Membri Parlamentari Ewropej ivvutaw favur ir-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-Kumitat PANA dwar il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa, iżda ma aċċettawx li tgħaddi l-emenda mressqa mill-Partit tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi li sejħet biex Malta tiġi dikjarata bħala pajjiż li jipproteġi lil persuni li jevadu t-taxxa.
L-emenda ma għaddietx bi 327 vot favur, 327 kontra u 24 astensjoni. L-Ewroparlamentari Maltin kollha vvutaw kontra din il-mozzjoni. 
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li Dr Delia se jispjega s-sitwazzjoni li jinsab fiha l-pajjiż waqt il-laqgħa, filwaqt li jkompli jiddefendi lil Malta kif skontu għamlu l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Maltin biex iwaqqfu l-emenda milli tgħaddi.
“Ma tistgħux tkunu membri ta’ partit li hu kontra Malta” – MPEs Nazzjonalisti
L-Ewroparlamentari Nazzjonalisti David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech ikkritikaw lill-Ewroparlamentari Laburisti talli ma rnexxilhomx ibiddlu l-fehma tal-membri tal-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew biex ma jressqux l-emenda tagħhom li tiddikjara lil Malta bħala ġenna fiskali.   
Saħqu fi stqarrija li Membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħux jissieħbu ma’ gruppi politiċi li ma jaqsmux it-twemmin tagħhom, u skonthom l-grupp tas-Soċjalisti qed jagħmel dan billi jaħdem kontra l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi.
Casa, Metsola u Zammit Dimech qablu li kienu huma li kkonvinċew lill-Membri Parlamentari kemm tal-Partit Popolari Ewropew kif ukoll ta’ gruppi politiċi oħra biex ma jivvutawx favur l-emenda, filwaqt li l-Ewroparlamentari Laburisti fi kliemhom “għażlu li jiddefendu lil Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, u l-kumpaniji sigrieti fil-Panama”.
“Tagħmluhiex tal-eroj wara li xbajtu xxewxu kontra Malta” – MPEs Laburisti
L-Ewroparlamentari Laburisti Miriam Dalli, Alfred Sant u Marlene Mizzi ċaħdu l-allegazzjonijiet tal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti, hekk kif stqarrew li sabu għadd ta’ deputati fost is-soċjalisti u gruppi oħra li fehmu li din l-emenda kienet ma kinitx ġusta u għalhekk vvutaw kontrieha jew astjenew mill-vot.
Fi stqarrija, id-deputati Laburisti kkundannaw il-kummenti tal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti li sostnew li l-emenda m’għaddietx bil-ħila tagħhom, għax fi kliemhom, “ħlief jiżirgħu stejjer dwar l-allegat kollass tas-saltna tad-dritt f’Malta, dwar allegat korruzzjoni fis-servizzi finanzjarji ta’ Malta u dwar evażjoni tat-taxxa, m’għamlux”.
Dalli, Sant u Mizzi spjegaw li kienet din l-attitudni “irresponsabbli” li ħolqot kurrent qawwi kontra Malta, b’mod partikolari fil-grupp politiku tagħhom li jaħdem daqstant kontra l-abbużi fit-taxxa.
“Il-vot tagħkom ħataf il-poter minn idejn il-pajjiż” – MPE Sant
Dr Sant stqarr li filwaqt li vvota favur il-partijiet kollha tal-abbozz li jiffukaw fuq it-trasparenza fit-taxxa, hu vvota kontra r-riżoluzzjoni li skontu kellha l-għan li tiddaħħal is-CCCTB, iġifieri li t-tassazzjoni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea tiġi armonizzata.
Huwa saħaq fi stqarrija li s-sistema tat-tassazzjoni ta’ pajjiżi fil-periferija tal-Ewropa m’għandhiex tkun sottomessa għall-istess regoli tal-pajjiżi Ewropej ċentrali li u vvantaġġjati.
Fost il-proposti l-oħra li tressqu fir-reżoluzzjoni kien hemm li jitneħħa d-dritt tal-gvernijiet nazzjonali li ma jaddottawx deċiżjonijiet li jittieħdu fil-Parlament Ewropew li jkollhom x’jaqsmu mat-taxxa u li ma jaqblux magħhom.
Skont l-Ewroparlamentari Laburist, dawn il-proposti se jkunu ta’ żvantaġġ kbir għall-pajjiż jekk jiddaħħlu fis-seħħ permezz tal-vot tal-Ewroparlamentari Nazzjonalisti.