Il-Kap tal-PN b’laqgħat f’Għawdex

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għamel serje ta’ laqgħat f’Għawdex. Fi stqarrija, il-PN qal li l-Kap tal-Partit qed ikollu laqgħat ma’ diversi entitajiet non-governattivi u organizazzjonijiet bħala parti minn serje ta’ laqgħat li nieda l-PN immirati lejn djalogu biex jinstemgħu id-diffikultajiet li qed jolqtu lil Għawdex u lill-Għawdxin biex il-bniedem jitpoġġa fiċ-ċentru tal-politika.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-PN qal li jrid jibni politika fejn Għawdex ikun reġjun mhux biss aktar produttiv iżda wieħed li jista’ jmantni u jsostni lilu nnifsu aħjar.
Sostna li minkejja l-ħafna wegħdiet tal-Partit Laburista, fosthom dik li jkattar ix-xogħol għall-Għawdxin ġewwa Għawdex, il-gvern injora dan l-aspett kompletament tant li n-numru ta’ persuni Għawdxin li huma kostretti jaħdmu f’Malta aktar milli rdoppja f’dawn l-aħħar 7 snin.

B’riferenza għall-konnettività bejn iż-żewġ gzejjer, il-Partit Nazzjonalista jemmen li wieħed irid qabel kollox jisma’ dak li jridu l-Għawdxin u li għandhom isiru studji serji u professjonali għaliex Għawdex ma jistax issir estensjoni ta’ Malta li jtellef l-identita’ u l karatteristika tiegħu.