“Il-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux pjan x’joffri għall-Gvern alternattiv”

Id-Deputat Laburista Etienne Grech qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni m’għandux pjan x’joffri għall-Gvern alternattiv u li l-miri ekonomiċi li jrid jilħaq u li kiteb fil-manifest tal-PN, il-Gvern wettaqhom għal tliet darbiet aktar u fi tliet snin.
Fi stqarrija Grech qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jipprova jieħu l-mertu għall-ekonomija b’saħħitha li għandha Malta.
Tenna li l-ekonomija hi b’saħħitha permezz tad-deċiżjonijiet sodi u kuraġġjuzi ta’ dan il-Gvern Laburista.
Qal li Gvern Laburista wiret Enemalta li kellha telf u djun li ma setgħetx tlaħħaq magħhom u dejn u defiċit nazzjonali.
Grech qal li l-Gvern Laburista naqqas il-qgħad b’mod konsistenti, filwaqt li Gvern Nazzjonalista kien ħalla sitwazzjoni fejn il-qgħad kien qiegħed jiżdied b’mod kostanti.