Filmat: Irridu lil ‘pajjiżna man-naħa t-tajba tal-istorja’ – Grech

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech iddeskriva l-Budget 2021 bħala wieħed “ta’ realtà virtwali” u wieħed bla direzzjoni fir-reazzjoni tiegħu fil-Parlament nhar it-Tnejn filgħaxija.

Dan kien l-ewwel diskors fuq il-Budget għal Grech, li qal li kien qed jitkellem ukoll f’isem “il-maġġoranza siekta”

Filwaqt li qal li l-Prim Ministru ddeskriva l-Budget bħala l-aqwa wieħed fl-istorja ta’ Malta, żied li lanqas laħaq spiċċa d-diskors tiegħu li ma ħarġux aħbarijiet li jpoġġu dan fil-kuntest. Dawn l-aħbarijiet urew in-nuqqas ta’ preparament tal-gvern biex jiġġieled l-imxija tal-Covid-19, u n-nuqqas ta’ interess li jkun hemm investiment Malta, skont Grech

‘Irridu nissaħħu flimkien’

Grech spjega li l-viżjoni tal-Oppożizzjoni kienet li Malta kellha tissaħħaħ fil-għaqda hekk kif qed taffaċċja kriżi, u li kellha bżonn “titnaddaf mill-ħmieġ li sar madwarna matul dawn is-snin.”

Żied li Malta kellha bżonn toħloq setturi ekonomiċi ġodda u mhux tiddependi fuq “skemi li jħammrulna wiċċna,” u li tħaddan politika fejn ħadd ma jibqa’ lura.

Il-frontliners u l-vittmi tal-Covid-19 intesew

Grech sellem lill-frontliners hekk kif innota li ma rċevew l-ebda rikonoxximent fil-Budget: il-gvern “nesihom totalment,” skont il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fakkar li Malta għada ma implimentatx id-direttiva tal-Unjoni Ewropea 2020/739, li tassigura benefiċċji għal min ikun espost għar-riskji tal-Covid-19 fuq ix-xogħol.

Innota wkoll li Malta s’issa rreġistrat aktar minn 50 mewt minħabba l-pandemija, u fakkar li skont il-Prim Ministru, ma kienx hemm kriżi għax ma mitux l-eluf kif qal li kien mistenni. Żied li la l-Prim Ministru ma kienx lest jitlob apoloġija għal li ma sarx, għamilha hu f’ismu.

Il-kap tal-Partit Nazzjonalista innota wkoll li ħadd ma refa’ responsabbiltà politika għal dak li ġara,  żied li kien qed jirreferi primarjament għas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis.

“Stennejt aktar minnek minn sempliċiment roly-poly,” żied jgħid Parnis.

Grech xettiku fuq l-istimi tal-Gvern

Grech innota kif skont l-istimi finanzjarji, il-Gvern mistenni jkollu defiċit ta’ €1.2 biljun din is-sena u defiċit ta’ €750 miljun is-sena d-dieħla. Però, wera xettiċiżmu fuq kif dawn il-figuri ġew ikkalkulati mill-gvern.

Skont l-istimi tal-gvern, mistenni jkun hemm aktar dħul mill-VAT fis-sena 2021 milli kien hemm fl-2019, qabel ma waslet il-pandemija. Grech staqsa kif dan mistenni jiġri meta n-negozju hu batut, u żied li jispera li ma jkunx hemm pressjoni fuq in-negozji biex iħallsu rati li ma jifilħux.

Ekonomija fuq ‘steroids’

Grech fakkar ukoll, però, li t-tkabbir ekonomiku f’Malta beda jonqos qabel ma waslet il-pandemija, kif jixhdu l-figuri għas-sena li għaddiet. Dan it-tkabbir, qal Grech, kien ġa beda jitlef il-momentum tiegħu.

Il-kap tal-oppożizzjoni osserva li l-istrateġija tal-gvern kienet waħda ta’ “steroids ekonomiċi,” fosthom is-skema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, żvilupp bla rażan, konsum sfrenat u dependenza fuq żieda ta’ ħadiema barranin. Fakkar kif anke fl-isport, l-isteroids fl-aħħar mill-aħħar ikollhom effett negattiv.

Żied ukoll li filwaqt li “Muscatonomics” wassal għal ħafna ħaddiema barranin, ħafna minnhom telqu minn Malta hekk kif waslet il-pandemija u bdew jitilfu x-xogħol. Wissa li dan se jkollu konsegwenzi fuq l-ekonomija, inkluż fuq is-settur tal-propjetà.

Malta kienet ‘rasha mgħollija,’ issa ‘mgħerrqin fil-mistħija’

Grech faħħar numru ta’ Maltin li ġabu ġieħ lill-pajjiż din is-sena, inkluż il-Kardinal-elett Mario Grech, it-tabiba Clare Gerada u anke l-eks MPE Miriam Dalli, kif ukoll l-MPE Nazzjonalista Roberta Metsola, li saret viċi-president tal-Parlament Ewropew.

Però żied li r-reputazzjoni ta’ Malta ħadet daqqa ‘l isfel minħabba l-gvern preżenti

“Konna nkunu rasna mgħollija, mhux mgħerrqin fil-mistħija,” qal Grech, qabel semma kif media internazzjonali kitbet rapporti li ma jpinġux lil Malta b’mod pożititiv.

Dan, skont il-kap tal-oppożizzjoni, kien tort ta’ persuna li l-gvern għadu jiddefendi, b’riferenza għall-eks prim ministru Joseph Muscat.

Nisperaw li ngħaddu l-Moneyval, imma l-ħsara saret

Grech fakkar li Malta għadha qed tistenna l-evalwazzjoni tal-Moneyval, b’riskju li tispiċċa grey-listed.

Qal li l-Oppożizzjoni mhux biss tixtieq li Malta tgħaddi dan l-eżami, iżda wkoll lesta li tikkoopera mal-Gvern dwar dan, offerta li ma ntlaqgħetx mill-Gvern.

Insista, però, li jgħid x’jgħid ir-rapport tal-Moneyval, il-ħsara għas-settur finanzjarju laħqet saret.

Mistenni reshuffle wara biss 10 xhur

Il-co-option ta’ Dalli u ta’ Clyde Caruana, il-kap tas-segretarjat tal-Prim Ministru, wasslet għal spekulazzjoni li se jkun hemm reshuffle fil-qrib, u Grech innifsu qal li jidher li se jiġri hekk.

Qal li dan kien sintomu ta’ Gvern inkompetenti, u li tant kellu nuqqas ta’ talent li kellu jdaħħal in-nies minn barra fil-Parlament.

Grech qal li l-Budget kellu lista’ twila ta’ wegħdiet li kellhom isiru snin qabel, filwaqt li wegħda oħra – ta’ Financial Organised Crime Agency – mhux biss ma twettqitx, imma lanqas biss reġgħet ġiet inkluża fil-Budget. Ikkumenta li bilfors li l-Budget l-aħjar wieħed li qatt sar, peress li l-lista ta’ wegħdiet dejjem tikber.

Il-Ministru għall-Finanzi responsabbli għall-proġett Electrogas

Grech ikkumenta wkoll fuq il-kuntratt tal-Electrogas, u qal li fl-aħħar il-Ministru għall-Finanzi kellu jerfa r-responsabbiltà tiegħu.

Però żied li filwaqt li l-predeċessur tiegħu Adrian Delia fittex li jħares l-interessi tal-poplu, il-ministru lanqas biss sab ħin biex jitkellem fuq il-kuntratt – l-akbar wieħed li għandu l-gvern – jew il-kuntratt ta’ Steward Healthcare.

Innota li Abela kien konsulent ta’ Muscat u kien jattendi l-laqgħet tal-Kabinett tiegħu, u b’hekk kellu jkun jaf min kien responsabbli. Malta, skont Grech, ħaqqha aħjar minn gvern mifni bil-korruzzjoni u l-inkompetenza.

Għawdex minsi għal darb’oħra

Skont Grech, għal darb’oħra il-Gvern nesa lil Għawdex fil-Budget tiegħu, b’numru kbir ta’ wegħdiet li ma twettqux.

Ikkritika l-vot “miżeru” ta’ €1 miljun għal Eko-Għawdex, u qal li l-Gvern m’hu qed jagħmel xejn biex inaqqas id-distakk fid-dħul bejn familji Maltin u Għawdxin, li qabeż €5,000 fis-sena u li għadu qed jiżdied.  

Innota li l-fast ferry li ilu mwiegħed mis-sena 2013 reġa ma tfaċċax, u l-Għawdxin għadhom qed jiġu mċaħħda minn servizz tant importanti għalihom.

Aktar tard fid-dibattitu, żied li qabel ma jibda x-xogħol fuq mina bejn Malta u Għawdex kien hemm il-bżonn li jitfassal masterplan għall-iżvilupp ta’ Għawdex. Dan il-pjan għandu jsir liġi li ma tistax tinbidel mingħajr il-vot ta’ żewġ terzi tal-parlament jew ta’ referendum.

Ir-rispett fiċ-ċentru tad-dibattitu fuq l-immigrazzjoni

Il-Kap tal-Oppożizzjoni nsista li l-Gvern kellu bżonn jirrevedi l-pożizzjoni tiegħu fuq l-immigrazzjoni. Fejn jidħlu dawk li jfittxu l-ażil, qal li filwaqt li Malta ma setgħetx terfa’ piż weħidha, kien hemm il-bżonn li tiġġieled it-traffikar tan-nies.

L-għan aħħari għandu jkun li ħadd ma jħoss il-bżonn li jaħrab minn pajjiżu.

Żied ukoll li l-immigrazzjoni m’għandhiex titqies bħala kelma ħażina b’mod li jwassal għall-ksenofobija: ir-rispett għal kull ħajja kellu jkun fiċ-ċentru tad-dibattitu.

Bżonn ta’ viżjoni ġdida fuq l-ambjent

Grech enfasizza l-bżonn li tingħata importanta għall-ambjent, u qal li l-ambjent u l-kostruzzjoni kellhom jimxu id f’id.

Tkellem kontra l-kruha tal-bini kontemporanju, u qal li kien hemm il-bżonn li l-ippjanar jagħti l-akbar importanza lill-estetika. Kemm iċ-ċentri antiki kif ukoll il-partijiet ġodda tal-lokalitajiet Maltin għandhom ikollhom dehra tajba, bħala xhieda ta’ pajjiż li qed jevolvi fil-kwalità.

Grech qal li rari li politiku jsemmi l-ambjent naturali bħala l-bażi biex jinbena l-ġejjieni ta’ pajjiż fuqu, imma nsista li kien essenzjali. Filwaqt li qal li dawn il-proposti jidhru ħolma, insista li viżjoni ġodda kienet fattibbli u li hemm bżonn urġenti li jitjieb l-ambjent ta’ madwarna biex titjieb il-kwalità tal-ħajja.

Bżonn ta’ patt soċjali ġdid

Grech tkellem ukoll fuq il-bżonn li jiġi ndirizzat il-faqar li kien qed jiżdied, partikolarment għaż-żgħażagħ.

Skont il-Kap tal-Oppożizzjoni, l-ekonomija għandha bżonn tinbena fuq soċjetà ġusta, fejn min jaħdem jirċievi paga ġusta b’sigħat ta’ xogħol raġjonevoli, u li min iħaddem jaqla’ dak li ħaqqu b’mod ekwu.

Qal ukoll li kien hemm il-bżonn ta’ patt soċjali ġdid li jinkludi mudelli innovattivi għal xogħlijiet, salarji, il-kwalità tax-xogħol u l-work-life balance.

Aktar tard ikkundanna lill-Gvern Laburista bħala “champagne socialists,” li jagħtu €5 fil-ġimgħa lill-pensjonanti filwaqt li jirċievu l-eluf f’konsulenzi u bordijiet.

Pajjiż ‘fejn ma jinqatel l-ebda ġurnalist ieħor’

Grech qal li l-Oppożizzjoni trid Malta li terġa tkun fuq in-naħa t-tajba tal-istorja, u b’riferenza għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, qal ukoll li tixtieq pajjiż “fejn ma jinqatel l-ebda ġurnalist ieħor,” fejn ma jinqatel ħadd minħabba l-politika, ir-regħba, l-inġustizzja u l-impunità.

Semma x-xewqa li Malta tkun pajjiż li jissemma’ minn kulħadd – fit-tajjeb – u li l-investituri jkunu jridu jerġgħu jinvestu fih.

Mill-Parlament il-ġimgħa li għaddiet
BAĠIT 2021: Id-diskors LIVE mill-Parlament