Il-Kap tal-Oppożizzjoni jħeġġeġ lill-Prim Ministru biex l-ispeaker ikun Deputat

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Lawrence Gonzi ħeġġeġ lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jinnomina membru parlamentari minn naħa tal-gvern biex ikun l-Ispeaker u dan huwa qal bl-ebda diżrispett lejn il-persuni li qed jissemmew għal din il-kariga.

Dr Gonzi qal dan meta kien qed jitkellem fi programm fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista. Huwa kompla jgħid li jekk ma jsirx hekk tkun qed tiġi kalpestata l-Kostituzzjoni, u dan minħabba li l-Gvern illum għandu maġġoranza ta’ disa’ siġġijiet fil-Parlament.

Meta tkellem dwar ir-riżultat elettorali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li lil dawk li ntlaqtu ħażin mid-deċiżjonijiet li titeħdu, hu jgħidilhom li l-intenzjoni tal-gvern qatt ma kienet li jweġġa’ lil xi ħadd, imma li jħares lejn l-aħjar ġid fl-interess nazzjonali.

Kompla jgħid li meta hu kien Prim Ministru seta’ ħa deċiżjonijiet differenti u għalhekk ir-responsabbiltà tat-telfa elettorali hi tiegħu, iżda żied li d-deċiżjonijiet it-tajba li ħa, wasslu biex il-Partit Nazzjonalista ħalla pajjiż aktar b’saħħtu.

Lawrence Gonzi qal li sal-lum għandu dubji dwar kemm il-Partit Laburista se jwettaq il-politika ta’ Malta Tagħna Lkoll, u semma xi ħatriet li saru.