Aġġornata: Il-Kap tal-Oppożizzjoni jappella lill-Gvern sabiex jiddefinixxi r-roadmap imwiegħda

B’reazzjoni għall-intervista li l-Kap tal-Opożizzjoni Simon Busuttil kellu dalgħodu, l-Partit Laburista sostna li Busuttil għadu qed jiddefendi l-għażliet ħżiena li Gvern Nazzjonalista għamel fil-każ tal-BWSC, il-Heavy Fuel Oil u anke fil-qasam tas-saħħa.

L-istqarrija tkompli tgħid li b’differenza, l-Gvern preżenti qed iwettaq il-bidla meħtieġa fil-qasam tal-enerġija u qed jaħdem biex l-Enemalta terġa’ tqum fuq saqajha.

Il-Partit Laburista saħaq li dan il-Gvern qed jaħdem ukoll biex itejjeb is-servizz tas-saħħa, wara numru ta’ nuqqasijiet fl-istess settur, li wiret mill-Gvern Nazzjonalista.

Aktar qabel: Waqt intervista fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Simon Busuttil sostna li hemm bżonn li l-Gvern jiddefinixxi d-direzzjoni l-ġdida u r-road map mwiegħed minnu u appella għall-parteċipazzjoni waqt l-attivitajiet tal-Indipendenza. Busuttil saħaq li l-partit rnexxielu jgħeleb it-telf finanzjarju tal-Partit f’erba’ xhur u ħabbar li l-attivitajiet tal-Indipendenza ser ikunu qed jiġu organizzati mingħajr telf. Dr Busuttil sostna li l-mezzi tax-xandir tal-partit ser jibqgħu jissaħħu fil-futur.

Dr Simon Busuttil sostna li l-Prim Ministru qabel l-elezzjoni wiegħed li ser jaqleb il-Power Station mill-heavy fuel oil għad-diesel b’mod immedjat meta skont Dr Busuttil il-Prim Ministru Joseph Muscat, qabel l-elezzjoni, kien qed jitkellem dwar il-power station bħala fabbrika tal-kanċer.

Dwar il-ftehim mal-Libja Dr Busuttil faħħar il-pass tal-Gvern fuq il-Memorandum of Understanding u saħaq li l-Prim Ministru Joseph Muscat kellu jfaħħar ix-xogħol li għamel il-Prim Ministru predeċessur tiegħu Dr Lawrence Gonzi, għad-deċiżjonijiet li ħa waqt il-kriżi fil-Libja. Huwa kritika ż-żieda li seħħ dan l-aħħar fil-prezz tal-fuel bla ċomb. Dr Busuttil saħaq li l-partit tiegħu ser ikun qiegħed jixpruna lill-Gvern u jistaqsi dwar il-kemm il-kif u meta il-pajjiż ser jibda jesperjenza traħħis fil-fuel meta l-Libja bħalissa għadha qed timporta l-fuel tagħha.

Dwar il-Park tal-Familja f’Marsaskala Dr Busuttil kritika l-għeluq tal-Park u li hemm bżonn li titranġa is-sitwazzjoni fl-immaniġjar tal-gassijiet tossiċi li qed joħorġu mill-impjant ta’ Sant Antnin.  Dr Busuttil qal li t-tniġġiż mill-impjant huwa f’ammonti żgħar ħafna u għalhekk saħaq li il-Park ingħalaq b’pika u li l-Gvern nesa dak li wiegħed. Apella lill-Gvern sabiex jiftaħ il-Park minnufih.

Fuq il-mediċini out of stock Busuttil spjega li s-sitwazzjoni aggravat u li żdiedu l-mediċini out of stock. Qatt ma kien hemm nuqqasijiet ta’ mediċini daqs kemm hemm illum. Skont hu l-Prim Ministru qed jikkuntradixxi lill-Ministru tas-Saħħa meta jgħid li s-sitwazzjoni mhix sodisfaċenti filwaqt li l-Ministru qed jgħid li s-sitwazzjoni mhix allarmanti.