Il-Kap tal-Knisja f’Hong Konk irid jibni pont ma’ Beijing

L-Isqof Michael Yeung, fl-ewwel konferenza stampa li ta bħala l-Kap tal-Knisja Kattolika f’Hong Kong, iddiżappunta xi ftit lill-kattoliċi meta stqarr li jippreferi li jkun hemm kollaborazzjoni aħjar ma’ Beijing.
L-isqof li għandu 72 sena offra li l-Knisja f’Hong Kong isservi bħala pont bejn il-Vatikan u l-awtoritajet Ċiniżi u sostna li hu jemmen li l-bini ta’ pontijiet hu aktar importanti mill-bini ta’ fruntieri u jekk mod kif nistgħu ngħinu biex jinżamm id-djalogu hu jkun lest li jagħmel dan. Qal li kien ferħan li anke l-Vatikan hu ottimist bid-djalogu maċ-Ċina. Sostna li “iċ-Ċina hi pajjiż kbir ħafna… u r-relazzjonijiet iridu jiżviluppaw bil-mod il-mod filwaqt li nżommu f’moħħna d-drittijiet umani, li huma sors ta’ tħassib”.
Minkejja d-disponibilita’ li jiffaċilita’ d-djalogu maċ-Ċina, l-Isqof Yeung qal li hu jappoġġja r-riforma demokratika għall-awtonomija ta’ Hong Kong, kif għamlu l-predeċessuri tiegħu, il-Kardinali John Tong Hon u Joseph Zen.
Hu stmat li hemm madwar 12-il miljun Kattoliku fiċ-Ċina, iżda l-Vatikan ilu ma jkollu relazzjonijiet diplomatiċi ma’ Beijing mill-1951. Tentativi biex iż-żewġ naħat jersqu lejn xulxin spiss ħolqu ansjeta fost il-kattoliċi għax jibżgħu li ftehim ma’ Beijing jista’ jikkomprometti lill-Knisja.
Il-Knisja f’Hong Kong tirrapporta lill-Papa mhux bħall-Knisja Patrijottika fiċ-Ċina li tirrispondi biss lill-Gvern Ċiniż.
Sadattant, f’Ruma, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Parolin ammetta li bħalissa għaddejjin negozjati sigrieti maċ-Ċina li ltaqgħu ma’ diffikultajiet dwar il-ħatra tal-Isqfijiet. F’Ġunju li għadda żdiedet xi ftit it-tensjoni meta l-Isqof Peter Shao Zhumin, maħtur mill-Vatikan, tneħħa mid-djoċesi tiegħu u għadu qed jinżamm f’post mhux magħruf.