Il-Kap tal-Isqfijiet Filippini iċanfar Kattoliċi li qed jiċħdu l-morali u d-duttrina tal-Knisja

L-Arċisqof Socrates Villegas tal-Filippini, li hu l-Kap tal-Konferenza Episkopali tal-pajjiż esprima t-tħassib tiegħu għal dak li hu jħoss li hi tendenza li qed tikber taċ-ċaħda tat-tagħlim u l-morali tal-Knisja Kattolika.  F’messaġġ fi żmien l-Għid, l-Arċisqof ċanfar lill-fidili għall-imġieba tagħhom.
“Kemm minnkom tiddikjaraw bil-miftuħ tistqarru li intom Kattoliċi iżda taqblu li min jieħu d-droga għandu jinqatel għax huma nies li ma jiswew għal xejn.  Jien Kattoliku iżda favur il-piena tal-mewt. Jien Kattoliku iżda mhux dejjem nobdi lill-Isqof tiegħi għax antikwat… Jien saċerdot iżda ċ-ċirkolaritajiet tal-Isqof mhux bilfors nobdihom”, staqsa  il-Kap tal-Knisja Kattolika fil-Filippini.
Sa minn meta l-President tal-Filippini Rodrigo Duterte ħa l-poter f’Ġunju tas-sena li għaddiet bil-wegħda li jeqred il-kriminalita’ u joqtol il-min imexxi d-droga u dawk li jeħduha, l-Arċisqof kien kritiku ħafna.  Xhur wara, aktar minn 7000 persuna – ħafna minnhom foqra mietu f’operazzjonijiet tal-pulizija kontra d-droga jew inqatlu b’mod mhux spjegabbli.
F’Marzu li għadda, l-alleati ta’ Duterte fil-Parlament tal-Filippini approvaw liġi li tintroduċi mill-ġdid fil-pajjiż, il-piena tal-mewt bl-iskop ewlieni li jinqatlu dawk konnessi b’xi mod mad-drogi.
Fid-dawl ta’ dan l-Arċisqof Villegas sar aktar kritiku u mexxa marċi ta’ talb u kiteb ittri u dokumenti kontra l-piena tal-mewt.  Uffiċjali oħra tal-Knisja ukoll esprimew l-istmerrija tagħhom.
Il-popolarita’ tal-President Duterte, minkejja dan, baqgħet għolja ħafna b’appoġġ qawwi anke fuq il-media soċjali.  Hu sejjaħ lis-saċerdoti ipokriti u akkużahom li huma pedofili jew li għandhom ħajja matrimonjali sigrieta.
Fil-messaġġ tiegħu tal-Għid il-Kbir fil-Katidral ta’ San Ġwann, l-Arċisqof Villegas qal li saret  “moda” li l-isqfijiet u s-saċerdoti isiru l-mira ta’ uffiċjali pubbliċi. “Il-Knisja qed tkun ridikolata u dawk li jmorru l-knisja imżebilħa. It-tagħlim ta’ Kristu qed ikun sfidat kontinwament. Il-ħajja umana saret orħos minn arma tan-nar. Il-Ħniena t’Alla imwarrba”, kompla Villegas filwaqt li ċanfar l-apatija tan-nies li sejrin lura flok ‘l quddiem u jum wara jum isiru soċjeta’ rrabjata.
“Aħna l-Isqfijiet sirna martri fuq il-media soċjali. Joqtluna elf darba. Iridu jagħlqulna ħalqna. Meta nopponu iridu jbiċċruna. Meta niddefendu l-ħajja iriduna mejtin”, kompla jgħid il-messaġġ tal-Arċisqof.
“ Jekk din l-imġieba tkompli wieħed jistenna li jara aktar u aktar qassisin u isqfijiet imutu martri fl-aqwa ta’ ħajjithom.  Jekk jiġri hekk, qumu, agħmlu kuraġġ. Morru l-ħabs minħabba l-Evanġelju. Kunu lesti tieħdu l-mewt biex tiddefendu l-fidi. Il-Knisja mhux se tmut meta dawk li jemmnu f’Alla jinqatlu.  Il-Knisja Kattolika twarrad, tikber u tiddi, temm jgħid l-Arċisqof fil-messaġġ tiegħu.