Il-Kap tal-Ħarsien Soċjali jipproponi li jitgħarrqu l-bastimenti li jsalvaw lin-nies

Aġġornat 07:34 PM
Facebook - Alfred Grixti

Read in English.

“Naqbdulhom il-vapur u ngħerrquhulhom!”

Hekk kiteb il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti dwar vapur ta’ NGO li jsalva lin-nies milli jmutu fil-baħar.

L-MP tal-PN Jason Azzopardi u d-Direttur tal-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa Dr Lara Dimitrijevic sejħu għar-riżenja ta’ Grixti.

Din il-ġimgħa diversi għaqdiet għad-drittijiet umani appellaw lill-Gvern Malti sabiex ma jissagrifikax ħajjet immigranti li jkunu f’ħalq il-mewt fuq il-baħar f’isem emerġenza pubblika.

Grixti kiteb il-kumment tiegħu fuq post fuq Facebook. Il-post kienet ta’ Steve Borg li fl-2009 ikkontesta l-elezzjonijiet tal-MEPs mal-Partit Laburista.

Fuq il-profil tiegħu fuq Facebook, Grixti juri bi prominanza ritratti tiegħu mal-Papa Franġisku u mal-Ariċsiqof Emeritu Pawlu Cremona. Il-Papa Franġisku kemm il-darba appella lin-nies biex jħarsu l-ħajja tal-immigranti. Fil-passat, il-Papa qal li l-immigranti “huma l-Ġisem ta’ Krisu”. Qal ukoll li “Min jirrifjuta l-immigranti qed jiddikjara gwerra”.

Fuq Facebook, Dr Dimitrijevic qalet li Grixti qed jonqos milli jkun konxju tal-kwistjonijiet li suppost qed imexxi dwarhom. “Hu inkompetenti u għandu jitneħħa immedjatament biex jitwaqqaf milli jagħmel aktar ħsara u dannu lill-aktar vulnerabbli,” qalet Dimitrijevic.

Dr Maria Pisani, lecturer fl-Università ta’ Malta, akkużat lil Grixti li qed juża’ l-pożizzjoni biex jinstiga l-vjolenza. Qalet li Alfred Grixti għandu jitkeċċa.

Once again the CEO of the Foundation for Social Welfare Services chooses to use his position to incite violence and…

Posted by Maria Pisani on Friday, April 10, 2020

L-opinjoni ta’ Grixti mhix konformi mal-Fondazzjoni li qed imexxi – Social Workers

L-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers (MASW) qalet li l-opinjonijiet ta’ Alfred Grixti mhumiex konformi mal-viżjoni tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS).

Fi stqarrija, l-MASW qalet li l-Fondazzjoni ma tistax taħdem lejn il-viżjoni tagħha jekk qed titmexxa minn persuna li ma jemminx fiha.

Skont is-social workers, il-persuni li qed jaħarbu minn sitwazzjonijiet koroh f’pajjiżhom għandhom bżonn l-għajnuna tan-nies.

Il-missjoni u l-viżjoni tal-FSWS

Kliem Grixti jista’ jiġi interpretat bħala kontra l-immigranti – Prof. Azzopardi

Id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà l-Professur Andrew Azzopardi qal li l-kummenti ta’ Alfred Grixti jistgħu jiġu interpretati li huma kontra l-immigranti.

Fi stqarrija Azzopardi kkritika l-attentati ta’ Grixti biex jipprova jiġġustifika lilu nnifsu.

Prof. Azzopardi qal li xogħol Grixti huwa li jżomm attitudni xierqa dwar il-migrazzjoni u kwistjonijiet soċjali oħra.

Fakkar fil-kliem ta’ Warsan Shire, kittieba Ingliża li kitbet  “Ħadd ma jpoġġi lit-tfal tagħhom f’dgħajsa sakemm il-baħar mhux aktar sigur mill-art.”

Repubblika b’rapport mal-Hate Crime and Speech Unit

L-għaqda Repubblika għamlet rapport mal-Hate Crime and Speech Unit dwar il-kummenti ta’ Grixti.

F’ittra li bgħatet l-għaqda ntqal li l-kummenti ta’ Grixti “huma ta’ natura serjissima”. Talbet biex tittieħed l-azzjoni neċessarja.

Repubblika bgħatet ukoll ittra lill-President tal-FSWS Joe Gerada. Talbitu jieħu l-passi neċessarja.

“Is-solidarjetà mhix fuq kwarantina” – AD

Fi stqarrija L-Alternattiva Demokratika (AD) qalet li qed tiġbed l-attenzjoni tal-Gvern li s-solidarjetà mhix fuq kwarantina.

L-AD qalet li waqt li taqbel mad-deċiżjoni li tħallew jidħlu Malta is-66 immigrant sbieħ il-Ġimgħa l-Kbira, hi tenfasizza li l-kriżi tal-coronavirus ma tħollx lill-pajjiż mill-obbligi tiegħu. Kemm obbligi morali kif ukoll obbligi taħt il-liġi internazzjonali u Ewropea. 

“Alternattiva Demokratika tappoġġa lill-Għaqdiet mhux Governattivi li jaħdmu mal-immigranti fil-pożizzjoni li ħadu li ma hemm l-ebda bażi legali għall-politika ta’ detenzjoni li għandu l-Gvern,” qalet l-AD.

“Kuntrarju għal dak li qed jingħad is-solidarjetà tagħna bħala pajjiż ma għandha tkun soġġetta għall-ebda limitu. Iva għandna dritt li nkunu mgħejjuna nerfgħu dan il-piż, imma l-ebda skuża, inkluż il-kriżi attwali tal-COVID-19, ma tista’ tħollna mir-responsabbiltajiet tagħna” ikkonkluda ċ-Chairperson tal-AD Carmel Cacopardo.

Inaċċettabbli – ACAMH

L-Assoċjazzjoni għas-Saħħa Mentali tat-Tfal u tal-Adoloxxenti (ACAMH) qalet li hija inaċċettabbli li Alfred Grixti jesprimi dawn it-tip ta’ kummenti.

L-ACAMH temmen li l-FSWS għandha titmexxa minn xi ħadd li jissalvagwardja d-drittijiet bażiċi umani u li jaħdem favur il-viżjoni tal-FSWS biex jevita l-esklużjoni soċjali. Żiedet tgħid li t-twemmin ta’ Grixti mhuwiex konssitenti mal-kariga li jokkupa.

Reċentament, il-Libja, l-Italja, u Malta ddikjaraw li ma jistgħux jaċċettaw iżjed immigranti. Ir-raġuni tal-Libja hija minħabba l-gwerra, filwaqt li r-raġuni tal-Italja u Malta hija l-imxija tal-coronavirus.

Il-Ħamis li għadda, il-Gvern Malti qal li Malta ma tinsabx f’pożizzjoni li tiggarantixxi r-riżorsi għas-salvataġġ lil immigranti, iżda se jkun qed idaħħal f’detenzjoni grupp li fl-aħħar sigħat kien viċin Malta. Fi stqarrija, il-Gvern qal li d-deċiżjoni ttieħdet mill-Kabinett tal-Ministri u li fiha ġie maqbul li ma jitħallewx jidħlu aktar immigranti minħabba l-imxija tal-coronavirus.