Il-kap tal-Al-Qaeda Mokhtar Belmokhtar jinqatel fil-Mali

Il-forzi armati taċ-Chad qalu li l-militant Iżlamiku Mokhtar Belmokhtar inqatel minn suldati taċ-Chad fil-Mali.

Il-mewt tiegħu tħabbret fuq l-istazzjon tat-televiżjoni tal-istat fiċ-Chad, iżda l-aħbar għada ma ġietx ikkonfermata minn sorsi oħra.

Mokhtar Belmokhtar huwa ex-mexxej tal-Al-Qaeda u hu maħsub li ordna l-attakk li seħħ f’Jannar fuq impjant tal-gass fl-Alġerija, fejn inqatlu 37 ostaġġ.

It-truppi taċ-Chad qed jiġġieldu kontra militanti Iżlamisti fil-Mali bħala parti minn forza internazzjonali immexxija minn Franza.

Fl-isqarrija fuq it-televiżjoni taċ-Chad, l-armata qalet li l-forzi taċ-Chad fil-Mali qerdu għall-kollox il-bażi prinċipali tal-militanti fil-muntanji Adrar de Ifhogas. Fl-attakk inqatlu numru ta’ terroristi, fosthom il-mexxej Mokhtar Belmokhtar.

Fl-attakk inħatfu armi, apparat militiari u madwar 60 vettura.

Ladarba din l-aħbar tkun ikkonfermata uffiċjalment, tkun tfisser daqqa ta’ ħarta qawwija għall-militanti Iżlamiċi fil-Mali.

Hu mifhum li Mokhtar Belmokhtar vjaġġa lejn l-Afganistan meta kellu 19 il-sena biex ħa t-taħriġ militari tal-Al Qaeda.