Il-kap tad-diviżjoni taż-żejt tal-Enemalta kien jirċievi kummisjonijiet mingħand George Farrugia

Illum saret l-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Alfred Mallia, il-Kap tad-diviżjoni taż-żejt tal-Enemalta. Ħareġ li anka Mallia kien jirċievi kummisjonijiet mingħand George Farrugia, dak li ngħata proklama mill-Gvern biex jgħid il-verità dwar l-allegat korruzzjoni fix-xiri ta’ żejt mill-Enemalta.

George Farrugia qal lill-Pulizija li 18-il sena ilu laħaq ftehim mal-kumpanija TOTAl dwar kif il-kumpanija tiegħu Powerplan kellha timporta u tiddistribwixxi lubrikanti f’Malta.

Fl-1996 issuġerixxa lil rappreżentanti ta’ TOTAL biex jibdew jaħżnu l-gasoil f’Ħal-Saptan, meta dak iż-żmien kienet għadha taħżnu f’Kalafrana. Alfred Mallia kien il-Kap tas-sezzjoni li tieħu ħsieb iż-żejt tal-Enemalta, u kien witta’ t-triq għal Farrugia biex laħaq ftehim dwar ħażna taż-żejt bejn TOTAL u Enemalta. Ta’ dan, Mallia kien talab kumpens.

TOTAL kellha 20,000 tunnellata gasoil maħżuna għand l-Enemalta, liema żejt kien meħtieġ mill-Enemalta għaliex dan kien sar skars. Eventwalment sar bejgħ ta’ 20,000 tunnellta gasoil, u Farrugia kien tħallas $1.50 għal kull tunnellata. Terz minnhom kien jgħaddihom lil Alfred Mallia, li gwadanja $10,000.

Il-persuna l-oħra involuta kienet Tarcisio Mifsud, il-Kap tal-Finanzi tal-Enemalta.