Il-Kap il-ġdid tal-PN se jitħabbar fis-16 ta’ Settembru

L-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista iddeċieda li l-Kap il-ġdid tal-partit se jitħabbar fis-16 ta’ Settembru li ġej, waqt Laqgħa Ġenerali li se ssir dakinhar bejn żewġ kandidati.
Tħabbar ukoll li n-nomini għall-kap tal-PN se jintlaqgħu bejn is-17 u d-19 ta’ Lulju.
Il-PN fi stqarrija qal li nbeda l-proċess biex jintgħażlu l-Kap u l-Viċi Kapijiet tiegħu bl-approvazzjoni tar-regoli għal dawn l-elezzjonijiet, liema regoli jridu jiġu approvati mill-Kunsill Ġenerali li se jitlaqqa’ fit-28 ta’ Ġunju li ġej.
L-istess Kunsill Ġenerali imbagħad se jerġa’ jitlaqqa’ mill-ġdid fl-ewwel jiem ta’ Settembru fejn se jagħżel żewġ kandidati fost dawk li jkunu tefgħu n-nomina tagħhom. Dawn it-tnejn imbagħad jgħaddu għal-Laqgħa Ġenerali li se ssir fis-16 ta’ Settembru u li se teleġġi l-kap il-ġdid tal-PN.
Il-Kummissjoni Elettorali tal-PN se titmexxa minn Joe Borg u se jkollha membri lil Matthew Mangion, Boris Xerri, Trevor Degiorgio, Marion Pace Asciak, Angelito Sciberras u Isabel Vella.
Malli jitħabbar il-kap il-ġdid, imbagħad tintgħażel data oħra li fiha ssir l-elezzjoni għall-Viċi Kapijiet kif ukoll għal karigi oħra fi ħdan il-PN.
Ritratt: Ian Noel Pace – Arkivji