Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ jgħid li m’hemmx periklu ta’ saħħa fil-Park

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, Jonathan Scerri sostna li m’hemmx periklu ta’ saħħa fil-Park tal-Familja.

Meta kien qed jindirizza lill-ġurnalisti, Scerri qal li m’hemmx konnessjoni mal-ħsara fuq il-hydrolyser fl-impjant tar-riċiklaġġ f’Marsaskala.

Huwa sostna li d-deċiżjoni li jingħalaq il-Park tal-Familja ttieħdet mill-Gvern bħala prekawzjoni u l-WasteServ qatt ma rċeviet xi informazzjoni li l-emissjonijiet mill-Hydrolyser kienu ta’ theddida.

Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ qal li dakinhar li ngħalaq il-Park f’Lulju li għadda, il-Gvern ma kellhux ir-riżultati dwar il-kwalita’ tal-arja u kien għalhekk li l-Park ingħalaq bħala prekawzjoni.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat sostna li fuq ir-riżultati dwar il-kwalita’ tal-arja li tkejjel b’tagħmir speċjalizzat tal-MEPA, il-Park tal-Familja se jerġa’ jinfetaħ fil-ġranet li ġejjin.