Il-kanzunetta ta’ Destiny mhux eleġibbli għall-Eurovision tas-sena d-dieħla

Ritratt; Frederick Zammit

Il-European Broadcasting Union (EBU) ħabbret li l-kanzunetti li kienu se jieħdu sehem fil-Eurovision ta’ din is-sena, li ġie kkanċellat minħabba fil-coronavirus, mhux se jibqgħu eleġibbli għall-Eurovision tas-sena d-dieħla.

Fl-istqarrija tagħha, l-EBU qalet li f’dawn iż-żminijiet qed jesploraw possibbilità ta’ alternattiva għall-65 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest, li però ma tkunx f’forma ta’ kompetizzjoni.

L-EBU qalet li fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed tħabbar dak li se jkun qed isir minflok biex l-artisti u l-kanzunetti magħżula jkunu onorati.

L-istess stqarrija tgħid li filwaqt li l-kanzunetti għall-edizzjoni tas-sena d-dieħla ma jistgħux ikunu dawk magħżula għall-edizzjoni li tħassret, kull pajjiż se jitħalla f’deċiżjoni libera jekk jibgħatx lill-istess kantant.

Ritratt: Twitter/EBU

Il-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena kellu jittella’ bejn it-12 u s-16 ta’ Mejju f’Rotterdam fin-Netherlands. Malta kellha tkun rappreżentata minn Destiny bil-kanzunetta All of My Love.