“Il-kant ifejjaqni mid-dwejjaq u l-problemi ta’ kuljum” – Chantal

Ilbieraħ filgħaxija waqt it-tieni parti tal-Judges Houses, Chantal Catania nqalgħet mill-kompetizzjoni tal-X Factor Malta u bosta kienu dawk li kkummentaw li ma kienx ħaqqha li tinqala’.

Tkellimna magħha u fost affarijiet oħra Chantal tkellmet dwar il-fatt li kienet sorpriża li waslet sa fejn waslet fil-kompetizzjoni, anki jekk meta kienet fil-Judges Houses kellha feeling tajjeb li kienet se tkun qed tkompli għall-fażi li jmiss.

Però llum, wara li nqalgħet għandha d-dubju kemm kienet idea tajba li fil-fażi tal-bieraħ interpretat is-silta Milord ta’ Edith Piaff.

“Jien għażilt Milord mhux għax bil-Franċiż imma għax kont nemmen li hija kanzunetta differenti u daqdxejn diffiċċli għax trid tistudjaha sew biex tkantaha. Alexandra kienet qaltli li xtaqet tisma’ xi ħaġa differenti u għalhekk jien għażilt Milord. Stajt għażilt kanzunetta bl-Ingliż u forsi kienet tmur aħjar,” ikkummentat Chantal ma’ newsbook.com.mt

Chantal daħlet fil-kompetizzjoni ta’ X Factor b’kumbinazzjoni meta marret biex tagħti sapport lin-neputi tagħha Rhys Fiteni. Kienet in-neputija li daħħlitha u kif kienet qegħda hemm, iddeċidiet li taċċetta l-isfida u tidħol għaliha.

Fl-ewwel audition Chantal interpretat La Vie en Rose ta’ Edith Piaff u kienet intlaqgħet tajjeb mhux biss mill-ġurija iżda wkoll mill-pubbliku.

“Dak il-ħin meta kantajt LA Vie en Rose ġo qalbi rajt kemm għamlet miegħi il-mamà tiegħi matul is-snin. Ftakart kemm ġriet bijja meta kont żgħira fil-festivals u kemm  nefqet flus li ma kienitx taffordja. Għalhekk dik l-audition kienet dedikata lill-ommi għax xtaqt li nagħmilha kburija bijja,” kompliet tgħidilna Chantal.

Hija qalet ukoll li waqt l-audition ħasset bard kbir u riedet li titgħallem aktar minn din l-esperjenza spontanja li kellha.

Wieħed forsi jimmaġina li l-fażi taċ-Chair Challenge setgħet kienet l-aktar waħda diffiċċli għal Chantal, iżda hi kkummentat li l-Judges Houses kienet l-aktar fażi iebsa, minħabba l-fatt li ħassietha nkwietata għax 3 biss kellhom jintgħażlu u għahekk bdiet tibża’ li jew kienet se tagħmel xi ħaġa ħażina waqt il-prestazzjoni tagħha jew inkella li tkun għażlet kanzunetta ħażina.

Chantal żiedet tgħid li l-palk tħobbu tħossha kunfidenti fuqu u għaldaqstant mhux se tieqaf millkant għax dak huwa don mill-Mulej. Waqt li żiedet tgħid li l-kant ifejjaqha mid-dwejjaq u l-problemi tal-ħajja ta’ kuljum.

“Nibqa’ nkanta sakemm ikolli l-vuċi,” ikkummentatilna.