Il-kannabis medicinali issa legali f’Malta

Malta għadha kemm legalizzat l-użu mediċinali tal-kannabis wara li saru l-amendi fl-Att Dwar id-Dipendenza fuq id-Droga mill-Parlament Malti wara t-tielet u l-aħħar qari.
Ilbieraħ filgħaxija l-Membru Parlamentari Laburista, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li l-Kumitat tal-Abbozzi kkonkluda d-dibattitu dwar il-Kannabis Mediċinali li qal li wassal sabiex ikun hemm aktar prodotti mediċinali fis-suq lokali.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, Deo Debattista dalgħodu qal li l-kannabis mediċinali ġiet legalizzata uffiċjalment wara li ġew rikonoxxuti l-benefiċċji terapewtiċi tal-pjanta.

https://platform.twitter.com/widgets.js

Min-naħa tagħhom, l-għaqda ReLeaf sostniet li dan kien pass pożittiv fis-sistema tas-saħħa tal-poplu Malti.
Fi stqarrija, Eric Castillo mir-ReLeaf qal li l-Gvern irid jaċċerta li l-prezz tal-mediċina jkun affordabbli għall-pazjenti u jikkommetti li fl-abbozz il-ġdid se jkun verament qed ipoġġi lill-pazjent l-ewwel u qabel kollox.
Castillo qal li hemm bżonn ta’ aktar kjarifikazzjonijiet fejn jidħol l-ittikettar tal-prodotti sabiex wieħed ikun jista’ jiddistingwixxi wieħed minn ieħor.
Sostna li l-abbozz għandu restrizzjonijiet kbar fejn jidħlu l-kundizzjonijiet eliġibbli minn din it-tip ta’ mediċina u jsemmi li l-Gvern Malti ma jirrikonoxxix kundizzjonijiet bħall-glawkoma, l-epilessija u d-dardir, li huma rikonoxxuti madwar id-dinja kollha. Għaldaqstant ir-ReLeaf tittama li tittieħed azzjoni dwar dan mill-aktar fiss possibbli.
Fl-istqarrija, Castillo saħaq li l-Maltin għandu jkollhom l-opportunità li jfittxu t-trattament kif jixtiequ huma, b’mod regolat u taħt preskrizzjoni mit-tabib. Għaldaqstant jemmnu li m’hemmx raġuni għala pazjenti Maltin ma jkunux jistgħu jkabbru l-mediċini huma stess bil-permess tat-tabib u provi ċari li dan se jkun qed jgħin fil-benessri tagħhom.
Ilbieraħ, il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona qal li l-Malta Enterprise diġà approvat ħames proġetti fil-qasam tal-kannabis għall-użu mediċinali li bejniethom mistennija jinvestu mat-€30 miljun f’Malta.