Il-kannabis ma għandha l-ebda valur rikreattiv – Caritas

Ritratt: DOI - Jason Borg

Leonid McKay, id-Direttur tal-Caritas qal li l-kannabis ma għandha l-ebda valur rikreattiv. McKay kien qed jitkellem waqt il-Konferenza Nazzjonali bl-isem Ħajja Ħielsa mid-Droga – Flimkien b’Għan Wieħed, li nfetħet mill-iSpeaker tal-kamra, l-Onor. Anġlu Farrugia, u l-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali, l-Onor. Michael Falzon.

Huwa qal li l-Caritas huma sodisfatti ħafna li fil-Parlament tqieset id-differenza bejn kannabis mediċinali u dak rikreattiv. F’isem il-Knisja, qal li jawgura li l-Parlament jieħu l-aħjar rotta f’din id-deċiżjoni.

Din kienet it-tieni darba fi żmien ġimgħa illi d-Direttur tal-Caritas ħass il-ħtieġa li jgħid illi l-kannabis ma għandha l-ebda valur rikreattiv. Fl-20 ta’ Ġunju, waqt iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni ta’ dawk li lestew b’suċċess programmi ta’ riabilitazzjoni tal-Caritas, McKay kien wissa wkoll kontra li l-kannabis issir legali, għax fi kliemu “se tkun qed issir iktar popolari u aċċessibbli li twassal biex il-konsum jiżdied.”

Fil-konferenza li qed tiġi organizzata llum, minbarra l-Caritas ħadu sehem ukoll l-Oasi u s-Sedqa. Dawn kollha tkellmu fuq il-ħidma siewja li qed issir ta’ għajnuna lil dawk maħkuma mill-vizzju tad-droga.

Noel Scerri mill-Fondazzjoni OASI esprima kemm hu grat lejn l-għaqdiet l-oħra li dejjem ikunu lesti li jaħdmu flimkien għat-titjib ta’ ħajjet il-vittmi tad-droga.

Is-Sedqa wriet filmat li wera l-ħidma li ssir fi ħdan is-Sedqa bħala parti mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Soċjali.

L-Onor. Anġlu Farrugia saħaq fuq it-theddida li hi d-droga, li tnawwar u ddgħajjef is-soċjetà. Huwa insista li t-traffikanti tad-droga huma l-aġenti tal-mewt u li ma jistħoqqilhomx ħniena.